L-Iżrael u l-Iżvizzera huma l-aħħar pajjiżi li kkonfermaw każijiet tal-Monkeypox, u b’hekk in-numru totali ta’ nazzjonijiet li rrappurtaw tifqigħat tela’ għal 14.
Iż-żewġ pajjiżi qalu li identifikaw persuna waħda infettata li reċentement ivvjaġġat, iżda l-awtoritajiet f’Iżrael qalu li qed jinvestigaw każijiet suspettati oħra.
Aktar minn 80 każ ġew ikkonfermati fit-tifqigħa reċenti fl-Ewropa, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.
Il-Monkeypox hija l-aktar komuni f’partijiet remoti tal-Afrika Ċentrali u tal-Punent.
Għalkemm din it-tifqigħa ma kinitx mistennija mix-xjenzati, il-Monkeypox m’għandhiex it-tendenza li tinfirex faċilment bejn in-nies u r-riskju għall-pubbliku usa’ jingħad li huwa baxx.
M’hemm l-ebda vaċċin speċifiku għall-Monkeypox, iżda l-vaċċin tal-ġidri joffri protezzjoni ta’ 85% peress li ż-żewġ viruses huma pjuttost simili.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li qed jiġu investigati 50 każ ieħor suspettat – mingħajr ma semmiet il-pajjiżi involuti – u wissiet li aktar infezzjonijiet x’aktarx jiġu kkonfermati.
Wara li t-tifqigħa ġiet identifikata għall-ewwel darba fir-Renju Unit, il-virus beda jiġi skopert madwar l-Ewropa – bl-aġenziji tas-saħħa pubblika fi Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja, il-Belġju, Franza, l-Olanda, l-Italja u l-Iżvezja kollha jikkonfermaw il-każijiet.
Fi stqarrija nhar il-Ġimgħa, il-WHO qalet li t-tifqigħat riċenti ma kinux tas-soltu peress li kienu qed iseħħu f’pajjiżi fejn il-marda ma kinitx endemika.
Għadu mhux ċar għaliex din it-tifqigħa mhux mistennija qed isseħħ issa.
Possibbiltà waħda hija li l-virus inbidel b’xi mod, għalkemm bħalissa ftit hemm evidenza li tissuġġerixxi li dan huwa varjant ġdid.
Minbarra l-każijiet Ewropej, l-Awstralja kkonfermat li raġel li kien ivvjaġġa lejn ir-Renju Unit ħa l-virus.
Fl-Amerika ta’ Fuq, l-awtoritajiet tas-saħħa fl-istat Amerikan ta’ Massachusetts qalu li raġel li reċentement ivvjaġġa lejn il-Kanada kien irriżulta pożittiv għall-virus.
L-Aġenzija tas-Saħħa Pubblika tal-Kanada qalet li identifikat żewġ każijiet fil-Quebec.
