Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):
Għal Chicken Adobo għandek bżonn:
4 koxox tat-tiġieġ, bla ġilda
Għall-Immarinar:
Tlett sinniet tewm , mirħus
85ml soy sauce
100ml ħall abjad
4 werqiet tar-rand
Għat-tisjir:
Żewġ imgħaref żejt veġetali jew tal-karawett, maqsumin
Tlett sinniet tewm, mirħus
Basla żgħira, imqatta’
425 ml ilma
Żewġ imgħaref zokkor ismar
Mgħarfa bżar iswed sħiħ
Għat-tiżjin meta sservi:
Żewġ basliet ħodor, imqatta’ roti rqaq
Metodu:
- Poġġi t-tiġieġ u l-ingredjenti tal-Immarinar fi skutella. Ħallat sew u immarina għal mill-inqas 30 minuta, jew preferibbilment matul il-lejl.
- Saħħan mgħarfa miż-żejt ġo taġen kbir fuq nar għoli.
- Neħħi t-tiġieġ mill-immarinar u poġġihom fit-taġen. (żomm il-marinade)
- Sajjar iż-żewġ naħat sakemm ikunu ftit kannella – madwar żewġ minuti fuq kull naħa.
- Neħħi l-biċċiet tat-tiġieġ mit-taġen, u warrabhom.
- Issa, fl-istess taġen saħħan iż-żejt li fadallek. Żid it-tewm u l-basla, u ħallihom isiru għal żewġ minuti.
- Żid l-immarinar li tkun warrabt, l-ilma, iz-zokkor u l-bżar iswed. Baxxi ftit in-nar u ħallih itektek għal 5 minuti.
- Żid it-tiġieġ, in-naħa l-lixxa ‘l isfel. Ħallih itektek u mikxuf għal 30 minuta (m’hemmx għalfejn tħawwad), sakemm iz-zalza tonqos u tiġi ġulepp magħqud bħal ġamm.
- Dawwar il-koxox tat-tiġieġ darba biss, wara kwarta li jkunu ilhom itektku.
- Jekk iz-zalza ma tkunx magħquda biżżejjed wara 30 minuta, neħħi t-tiġieġ fuq platt u ħalli z-zalza ttektek waħedha – tagħqad ħafna aktar malajr – imbagħad erġa’ żid it-tiġieġ fit-taġen biex jinkesa bil-glaze.
- Poġġi l-koxox tat-tiġieġ fuq il-platti tiegħek, u iksi kull waħda kompletament bil-glaze.
- Roxx il-basal aħdar fil-wiċċ.
Għall-wedges tal-patata stil Filippin, għandek bżonn:
Tliet patatatiet kbar, bil qoxra
Żewġ imgħaref butir jew marġerina, imdewweb
Kuċċarina tewm, mirħus
Żewġ imgħaref ġobon parmesan, maħkuk
1⁄4 kuċċarina paprika, (jaħraq jew ħelu)
Metodu:
- Saħħan il-forn għal 200 grad.
- Idlek folja tal-ħami biż-żejt veġetali jew taż-żebbuġa.
- Għorok u aħsel il-patata taħt l-ilma.
- Aqta’ kull patata fit-tul fi tmien biċċiet (wedges).
- Poġġi l-wedges tal-patata ħdejn xulxin fuq il-pjanċa tal-ħami.
- Ħallat il-butir imdewweb jew il-marġerina u t-tewm fi skutella.
- Fi skutella oħra ħallat il-ġobon parmesan maħkuk u l-paprika.
- B’pinzell idlek il wedges tal-patata b’nofs it-taħlita tal-butir u ferrex b’nofs it-taħlita tal-ġobon.
- U aħmi fil-forn għal 20 minuta.
- Neħħi l-pjanċa mill-forn, u mbagħad aqleb il-wedges u idlikhom b’pinzell bit-taħlita tal-butir li fadal u roxxhom bit-taħlita tal-ġobon li fadal.
- Erġa’ poġġi l-pjanċa tal-ħami fil-forn u aħmi għal 20 minuta oħra jew sakemm il-patata tkun saret tqarmeċ fuq barra waqt li tkun għadha ratba minn ġewwa.
Għal Adobe Sitaw, għandek bżonn:
300g fażola twila ħadra (sitaw)
Tliet imgħaref soy sauce
Mgħarfa ħall abjad
125ml ilma
Melħ u bżar għat-togħma
Basla kbira, imqatta’ rqiqa
Żewġ sinniet tewm, mirħus
Metodu:
- Qalli l-basal u t-tewm f’taġen sakemm isiru kannella ċar.
- Żid il-fażola.
- Żid is-soy sauce, il-melħ u l-bżar.
- Żid l-ilma u ħalliha ttektek għal madwar 5 minuti, sakemm il-fażola tkun imsajra.
- Żid il-ħall. Tħawwadx. Ħallih itektek għal żewġ minuti.
- Neħħi minn fuq in-nar, ħawwad darba, u servi.

L-ikla t-tajba!

Kontributriċi