Il-Belġju sar l-ewwel pajjiż li introduċa kwarantina obbligatorja ta’ 21 jum għal dawk li jirriżultaw pożittivi għall-Monkeypox wara li ġew irrappurtati erba’ każijiet tal-marda fl-aħħar ġimgħa.

Skont il-midja Belġjana, l-awtoritajiet tas-saħħa Belġjani ħadu d-deċiżjoni nhar il-Ġimgħa. Dawk li jkunu f’kuntatt ma’ persuni infettati bil-Monkeypox mhumiex meħtieġa li jiżolaw lilhom infushom iżda għandhom jibqgħu viġilanti partikolarment jekk ikunu f’kuntatt ma’ nies vulnerabbli.

Il-Monkeypox hija marda fl-istess familja tal-ġidri u s-sintomi jinkludu raxx, deni, uġigħ fil-muskoli u uġigħ ta’ ras. Il-Monkeypox hija inqas fatali mill-ġidri, b’rata ta’ mortalità taħt l-4 fil-mija, iżda l-esperti huma mħassba dwar it-tixrid mhux tas-soltu tal-marda lil hinn mill-Afrika fejn normalment tiċċirkola.

L-Istitut Belġjan tal-Mediċina Tropikali qal li r-riskju ta’ tifqigħa akbar fil-pajjiż huwa baxx.

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, s’issa hemm ikkonfermati jew suspettati aktar minn 100 każ tal-Monkeypox.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks