Mara fl-Ingilterra weħlet mill-inqas 18-il sena ħabs wara li nstabet ħatja li qatlet it-tifel li kienet se tadotta.

Laura Castle heżżet lil Leiland-James Corkill ta’ sena, fid-dar tagħha f’Barrow, Cumbria, f’Jannar tal-2021.

Hija ammettiet qtil involontarju iżda fi Preston Crown Court instabet ħatja ta’ qtil u moħqrija tat-tfal. Żewġha Scott Castle ma nstabx ħati li kkawża jew ippermetta l-mewt tat-tifel.

Castle, li għandha 38 sena kienet ikkundannata għal għomorha l-ħabs b’terminu minimu ta’ 18-il sena.

Hija kienet ukoll ikkundannata 21 xahar fuq moħqrija tat-tfal.

Il-mara qalet li kienet heżżet lit-tifel wara li ma waqafx jibki u ħabat rasu mal-arm-rest tas-sufan qabel waqa’ minn fuq irkupptejha mal-art. Huwa miet l-għada.

Oriġinarjament kienet sostniet li l-ewwel kien waqa’ minn fuq is-sufan, iżda biddlet il-verżjoni tagħha dakinhar li l-ġurija ngħatat il-ġurament għall-kawża tagħha.

It-tifel ingħata biex jieħdu ħsiebu ftit wara li twieled. L-omm bioloġika tiegħu qalet li kienet iżżomm kuntatt mal-familja li kienet tieħu ħsiebu qabel ma mar għand il-familja Castle li eventwalment kienu se jadottawh.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks