L-attur Kevin Spacey se jiġi akkużat b’abbuż sesswali fuq tlett irġiel.
Qed jitressqu ħames akkużi kontra l-attur, li għandu 62 sena, wara reviżjoni tal-evidenza tal-Pulizija tal-Met wara ilmenti li jmorru bejn l-2005 u l-2013.
Tliet ilmenti għandhom x’jaqsmu ma’ abbuż sesswali li huwa allegat li seħħ f’Londra, u wieħed fi Gloucestershire.
Huwa qed jiffaċċja wkoll akkuża addizzjonali ta’ reat sesswali serju f’Londra.
L-ewwel żewġ akkużi għandhom x’jaqsmu mal-allegati attakki sesswali fuq raġel, li llum għandu 40 sena, f’Londra f’Marzu tal-2005, filwaqt li t-tieni allegata vittma, raġel li llum għandu 30 sena, qed jingħad li ġiet aggredita f’Londra f’Awwissu tal-2008.
L-akkuża ta’ reat sesswali serju, li ġġiegħel persuna tidħol f’attività sesswali penetrattiva mingħajr kunsens, tirrigwarda wkoll it-tieni allegata vittma.
It-tielet ilmentatur jirrelata mal-allegat attakk fuq raġel, li issa għandu 30 sena, fi Gloucestershire f’April tal-2013.
Filwaqt li s-CPS awtorizza l-akkużi kontra Spacey huwa mifhum li ma ġiex akkużat formalment peress li mhuwiex fil-pajjiż.
Is-CPS qalet li ma tistax tikkonferma jew tiċħad jekk Spacey hux se jkollu bżonn jiġi estradit lejn ir-Renju Unit.
Spacey, rebbieħ tal-Oscar darbtejn, huwa magħruf sew għas-sehem tiegħu f’films bħal Seven, LA Confidential, American Beauty u Baby Driver, kif ukoll fis-serje ta’ Netflix House of Cards.
L-attur kien ukoll id-direttur artistiku tal-Old Vic bejn l-2004 u l-2015.
