Meta Amanda tiġi biex ikollha x’taqsam ma’ Mark, tibża’ li se tiddiżappuntah għax għal xi raġuni ma jistax jippenetraha. Bħal donnu hemm ħajt. Tħobbu. Tixtiequ. Però meta tiġi għal att sesswali, tingħalaq.

Dak li jista’ jkun qed jiġri lil Amanda jissejjaħ vaginismus. Vaginismus huwa uġigħ ġenitali li joħloq imblukkar għall-penetrazzjoni. Huwa disturb psikosesswali li huwa komuni f’ħafna nisa, għalkemm mhux spiss nisimgħu bih. Ħafna nies ma jafux dwar din il-kundizzjoni peress li mhux spiss tingħata attenzjoni u xi nisa li għandhom il-kundizzjoni jaf ma jsemmuhiex minħabba mistħija.

Il-vaginismus jiġi f’tipi differenti, skont is-sitwazzjoni u s-severità. Għalkemm mhux l-istess għal kulħadd, li jkollok vaginismus ifisser li mara tesperjenza diffikultà bil-penetrazzjoni vaġinali li tista’ tkun ta’ forom differenti, kemm jekk waqt is-sess, bl-użu ta’ tampuni, bl-użu tas-swaba’, jew anke waqt eżamijiet mediċi.

Situational Vaginismus huwa t-tip fejn iseħħu spażmi vaġinali skont dak li jkun qed jiddaħħal fil-vaġina. Mara tista’ ma tkunx tista’ tagħmel sess, iżda tkun kapaċi tuża tampon, pereżempju.

Spasmodic vaginismus huwa forma oħra li fiha l-persuna tħoss spażmu fil-vaġina anke meta tkun involuta f’attivitajiet li jistgħu jwasslu għal sess, bħal bews jew foreplay.

L-aktar forma severa ta’ vaginismus hija complete vaginismus, fejn mara ma tistax tiflaħ l-ebda forma ta’ penetrazzjoni ta’ kwalunkwe forma, u l-possibbiltà ta’ penetrazzjoni tqanqal il-biża’.

Fil-każ ta’ Amanda, meta l-koppja tipprova tagħmel is-sess, il-muskoli tal-vaġina awtomatikament jidħlu fi spażmu u jinġibdu. Dan il-proċess ħafna drabi jiżviluppa bħala mekkaniżmu ta’ difiża li l-ġisem juża biex jipproteġi lill-persuna minn uġigħ u skumdità antiċipati.

Jista’ jkun hemm varjetà ta’ kawżi psikoloġiċi li jistgħu jkunu kawżi għal din il-kundizzjoni, u li jikkawżaw il-biża’ u l-ansjetà li jistgħu jitqanqlu fl-istennija tal-penetrazzjoni.

Kwistjonijiet relatati ma’ trawmi tal-passat, bħall-istupru u l-abbuż sesswali fit-tfulija jistgħu jħallu biża’ persistenti fil-vittma, li jirriżultaw f’vaginismus li jiżviluppa maż-żmien bħala mekkaniżmu ta’ difiża. Kwistjonijiet oħra li jistgħu jkunu kawża għall-esperjenza ta’ dan id-disturb huma kwistjonijiet ta’ relazzjoni, ansjetà dwar is-sess, kunċetti żbaljati dwar il-vaġina u s-sess, biża’ ta’ tqala u twelid, u informazzjoni skorretta li s-sess huwa ta’ wġigħ, ħażin u tal-mistħija.

Jista’ jkun ukoll minħabba esperjenza sesswali ħażina fil-passat jew li temmen li l-vaġina tiegħek hija żgħira wisq. Il-vaginismus m’għandux jiġi konfuż ma’ kundizzjonijiet oħra li jistgħu jikkawżaw uġigħ simili fil-vaġina bħal Dyspareunia. Dyspareunia, għalkemm ikkaratterizzata wkoll minn sess bl-uġigħ, ħafna drabi hija rizultat għal kwistjonijiet fiżiċi li jistgħu jkunu preżenti fiżjoloġikament, bħal li jkollok ċisti, atrofija vaġinali jew mard infjammatorju pelviku.

Li jkollok dan id-disturb ma jfixkilx lill-mara milli titqanqal sesswalment b’modi oħra. Hemm metodi oħra ta’ pjaċir sesswali li jistgħu jitgawdew u li mhux neċessarjament jinvolvu penetrazzjoni tal-vaġina bħal stimulazzjoni klitorali, stimulazzjoni ta’ żoni eroġeni oħra, u sess anali. Mara bil-vaginismus għandha żżomm libido b’saħħitha, u xorta jirnexxilha tixxarrab meta tħossha imqanqla sesswalment.

Il-vaginismus normalment jiġi ttrattat b’taħlita ta’ terapija ma’ professjonist psikologiku fil-qasam tas-sess, kif ukoll sett ta’ eżerċizzji li għandhom jiġu pprattikati id-dar. L-eżerċizzji użati jgħinu lin-nisa biex jippenetraw u jġebbdu l-vaġina gradwalment, u bil-mod isiru komdi bil-penetrazzjoni bil-pass tagħhom stess. It-tekniki tar-rilassament u tan-nifs huma wkoll ipprattikati, u huma mħeġġa biex jintużaw flimkien meta jsiru l-eżerċizzji.

Dawn it-tekniki eventwalment se jkunu utli ħafna meta jiġi pprattikat l-att sesswali. It-terapija għall-vaginismus tgħin biex timmaniġġja u taħdem fuq il-biża’, ansjetà jew sentimenti negattivi li mara jista’ jkollha dwar il-penetrazzjoni. It-tkissir tal-ostakli mentali jgħin lill-persuna tibda tagħmel sens tal-kawża, u tgħinha tikseb aktar kontroll tas-sitwazzjoni. B’dan il-mod, kemm il-limitazzjonijiet fiżiċi tal-vaginismus, kif ukoll l-imblukkar psikoloġiku jistgħu jingħelbu.

Tista’ ssib aktar informazzjoni hawnhekk.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks