Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, l-attur u produttur Joseph Agius tella’ żewġ ritratti, b’wieħed minnhom ittieħed aktar minn sena u nofs ilu u l-ieħor ittieħed riċentament.
Mar-ritratti, Joseph wassal messaġġ permezz tal-esperjenza tiegħu stess.
Illum, Joseph jiżen 60 kilo inqas minn sena u nofs ilu, iż-żmien li ddeċieda li jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu minħabba li kellu xi diffikultajiet f’saħħtu.
Tant sar normali għalih dan l-istil ta’ ħajja li qed jgħix Joseph li stqarr li kultant jinsa fejn kien, u jirrealizza biss meta jsib xi ritratt tas-snin li għaddew.
Huwa qal li dak iż-żmien kien jirraġuna li l-ħajja qasira meta tgawdi u ma tiċċaħħad minn xejn. Żied jgħid li llum xorta għadu jirraġuna li l-ħajja qasira, imma allura jrid igawdiha bl-aħjar mod li jista’.
Joseph beda dan il-vjaġġ prinċiparjament minħabba saħħtu. Huwa qal li maż-żmien, id-diffikultajiet li kellu f’saħħtu bħal cholesterol, zokkor, uġigħ f’dahru u n-nifs, bdew ġejjin f’posthom u magħhom ġew ħafna aktar affarijiet sbieħ.
B’reazzjoni għal stejjer relatati ma’ body shaming u self love u l-kontroversji li jqajmu, Joseph qal li filwaqt li jaqbel li persuna għandha tkun kuntenta biha nnifisha u li ma jaqbel qatt li xi ħadd iweġġa’ lil ħaddieħor minħabba kliem jew affarijiet oħra, xorta jibqa’ jsostni li agħar ħaġa li qatt ġrat lilu personali meta kien jiżen 150 kilo, mhux meta għajruh oħxon, u lanqas meta mar jixtri suit blu u s-salesman qallu li d-daqs tiegħu li hemm irid jieħu u mhux li jixtieq hu.
L-agħar mument, skont Joseph, kien meta aċċetta lilu nnifsu kif kien u gideb miegħu nnifsu li hu hekk u m’hemm xejn x’jista’ jagħmel, u allura ried ikun kuntent kif kien.
“Jekk vera tħobb lilek innifsek, ħobb lilek innifsek kif int illum imma agħmel li hemm bżonn biex għada tkun aħjar u tħobb lilek innifsek ftit aktar mil-lum.”
Joseph Agius

