Omm li bintha twieldet bi “tbissima permanenti” qed taqsam il-ħajja tal-familja tagħhom fuq TikTok biex tqajjem kuxjenza dwar il-kundizzjoni rari tat-tifla.

Cristina Vercher, li għandha 21 sena, u Blaize Mucha, li għandu 20 sena, minn Adelaide, in-naħa t’isfel tal-Awstralja, laqgħu lil binthom Ayla Summer Mucha f’Diċembru tal-2021.

Hekk kif twieldet binthom, il-koppja ngħatat l-aħbar li ħalq it-tifla ma kienx ifforma kif suppost.

Ayla Summer Mucha kienet żviluppat makrostomija bilaterali, kundizzjoni rari fejn il-kantunieri tal-ħalq ma jingħaddux flimkien waqt it-tqala.

Skont studju mill-2007, 14-il każ biss tal-kundizzjoni ġew irrappurtati fil-letteratura medika.

Għall-bidu, din l-aħbar kienet xokk għall-ġenituri għaliex ma kinux konxji ta’ din il-kundizzjoni u qatt ma kienu ltaqgħu ma’ xi ħadd li twieled b’din il-kundizzjoni.

L-aħbar ħasdet xi ftit anke lit-tobba peress fuq l-ultrasound scans ma kien hemm l-ebda indikazzjoni.

Il-kundizzjoni hija tant rari li din kienet l-ewwel darba li t-tobba ta’ Flinder’s Medical Centre raw każ bħal dan.

Dan għamel l-esperjenza iktar inkwetanti għall-koppja peress li l-isptar ftit kellu għarfien jew sapport għal kundizzjoni rari bħal din.

Għal raġunijiet mediċi pazjenti bil-kundizzjoni ta’ Ayla, jingħataw parir biex jagħmlu operazzjoni biex jgħinu jiżguraw li jkollhom ħalq jiffunzjona hekk kif jikbru.

Il-ġenituri għad iridu jingħataw l-ispeċifikazzjonijiet eżatti tal-operazzjoni, iżda huma stqarrew li l-isfidi li se jiffaċċjaw wara l-operazzjoni huma inkwetanti.

Ftit xhur wara fi tfittxija għal aktar informazzjoni u biex titqajjem kuxjenza, Cristina u Blaize bdew profil fuq TikTok biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom stess.

Filmat minnhom li juri lill-omm tlibbes lil bintha għandu aktar minn 46 miljun view, u għadd ta’ kummenti ta’ sapport.

Meta tkellmet dwar l-esperjenza tagħha li taqsam il-ħajja tal-familja tagħha fuq il-midja soċjali, Cristina żiedet tgħid li l-parir tagħha hu xejn ħlief li nkunu ġentili ma’ xulxin u li wieħed jaċċetta lil ħaddieħor kif inhu.

Hija qalet ukoll li wieħed għandu jġib l-istess rispett daqskemm jixtieq għal uliedu kieku għaddejjin minn esperjenzi bħal dawn.

L-omm stqarret li daqskemm irċivew kummenti negattivi, irċivew ukoll ħafna mħabba u sapport.

Qalet ukoll li se jkomplu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u l-memorji favoriti tagħhom, partikolarment għal dawk li għaddejjin minn esperjenzi simili.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks