Ftit snin ilu, waqt li qabdet liż-żewġt itfal żgħar tagħha, Eunesh bdiet vjaġġ ta’ tliet sigħat mill-għarix tal-familja tagħha fil-Muntanji ta’ Hawassa, fin-Nofsinhar tal-Etjopja. B’binha u b’bintha jbatu minn malnutrizzjoni akuta u bla flus biex tħallas għal tabib jew klinika medika fil-qrib, dak li kellu jkun żmien ta’ ferħ, seta’ faċilment jispiċċa fi traġedja.

Eunesh kienet determinata li tasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bushulo fejn kienet taf li wliedha setgħu jirċievu l-kura li kellhom bżonn. L-unika xewqa tagħha kienet is-saħħa u l-kuntentizza tat-trabi tagħha.

Din hija is-seba’ sena li Missio Malta qed jorganizza l-maratona #hopemissiofest, b’risq proġetti fil-missjoni, illum l-4 ta’ Ġunju.

Matul is-sena 2021, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja aktar minn 123 proġett. Dawn il-proġetti huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi.

Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fi proġetti relatati ma’ ilma nadif, bini ta’ skejjel, xiri ta’ roti u proġetti oħra.

Tista’ ssegwi l-maratona, li se tibqa’ għaddejja sal-11pm fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek.

Tista’ wkoll tmur int stess bl-offerta tiegħek waqt il-maratona fil-WE Media Studios, Ħal Qormi, jew iċċempel fuq in-numri murija fuq l-iskrins tat-televiżjoni. Tista’ wkoll tisponsorja xi proġett żgħir.

Possibiltà oħra hi li tingħata offerta on line fuq www.missio.org.mt. Voluntiera minn Missio se jkunu qed jiġbru l-offerta tiegħek minn darek waqt il-ħin tal-maratona.

Dawk l-Għawdxin li jixtiequ jagħtu d-donazzjoni tagħhom personalment, jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fl-Uffiċċju Missjunarju tar-Rabat, Għawdex li hu miftuħ sabiex jilqa’ d-donazzjonijiet sat-8pm.

Ejjew mela ningħaqdu lkoll flimkien ghal Missio biex niġbdu ħabel wieħed u nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna, li jgħixu f’artijiet tal-missjoni. Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, hija apprezzata, għaliex kif jgħid il-qawl Malti: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra!

Agħti d-donazzjoni tiegħek permezz ta’ dawn in-numri:

5170 2063 – €15

5180 2064 – €25

5190 2061 – €50

Sms: 5061 9294 – €11.6

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks