Ċertament Stephanie Chircop hija personalità magħrufa sew, għaliex ilha ħafna snin fil-qasam tax-xandir. Preżentament hija preżentatriċi kemm tat-televiżjoni kif ukoll tar-radju.
Minbarra diversi rwoli li għandha f’ħajjitha, inkluż dak ta’ omm, kif ukoll f’oqsma oħra, forsi ftit huma dawk li jafu li Stephanie hija wkoll kantanta.
Kull min isegwi lil Stephanie jista’ jinnota l-personalità enerġetika, mimlija ħajja u ferriħija tagħha, mhux biss għaliex il-professjonalità, partikolarment f’xogħol bħal dan, titlob li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, tagħmel l-almu kollu biex tagħti servizz lin-nies bl-aħjar verżjoni tiegħek, iżda għaliex dak huwa l-karattru reali ta’ Stephanie.
Minħabba dan, huma ħafna li ma jirrealizzawx jew iħallu d-dehra taljenahom, li wara dik id-daħka unika ta’ Stephanie, hemm persuna umana li bħal kull persuna f’wiċċ id-dinja, kuljum tikkumbatti ma’ dak kollu li toffri l-ħajja.
Bħal ta’ kulħadd, il-ħajja ta’ Stephanie, mhijiex u qatt ma kienet faċli. Huma ftit nies li jafu l-isfidi li kellha tegħleb fil-passat, u li wara kollox għadha qed tegħleb illum. Il-karattru sod tagħha li bosta jammiraw huwa riżultat ta’ dak kollu li għaddiet minnu, riżultat tar-reżiljenza tagħha minkejja kollox.
F’kummenti li tat lil The People of Malta, Stephanie stqarret li kien hemm drabi li fittxet li tneħħi ħajjitha b’idejha.
“Għal darba darbtejn fittixt li nneħħi ħajti imma żammejt soda. Kien hemm żmien fejn ħajti kelli nerġa’ nibdiha mill-ġdid. Mort għat-terapija u ma nistħix ngħid. Hawn xi ħadd minnkom li m’għandux problemi? In-nies ħafna drabi jarawk tidħak u bi tbissima, b’mod partikolari fid-dinja tal-ispettaklu, imma xi jkun hemm moħbi wara dik it-tbissima, ma jkunux jafu. Dak li għaddejt minnu meta kont żgħira ma nixtieqx li jgħaddu minnu l-familjari tiegħi. Kelli nieħu deċiżjonijiet diffiċli għall-ġid ta’ min inħobb.”
Stephanie Chircop
Stephanie qalet li l-feriti jibqgħu hemm. Għalkemm żeta tmisshom ma juġgħukx, xorta jkunu hemm u jfakkruk fejn kont u fejn wasalt illum għall-persuna aktar b’saħħitha.
“Illum ngħid li ħajti hija mimlija u kkulurita. Sirt l-aħjar tiegħi nnifsi. Il-ħajja tevolvi, m’għadnix l-istess persuna…
Posted by The People of Malta on Sunday, June 5, 2022
Kull min jaf lil Stephanie mill-viċin, jaf li minn kull sitwazzjoni diffiċli li tgħaddi minnha, tipprova toħroġ il-pożittiv minnha, dejjem.
Huwa dak li se tagħmel b’din l-idea eċċezzjonali li ħarġet biha, dik li permezz ta’ djalogu mal-udjenza u l-passjoni tal-mużika tagħha, se tkun qed tirrakkonta l-istorja ta’ ħajjitha bl-għan li twassal messaġġ ta’ tama.
Fil-kunċert The Story Of My Life, Converting Scars Into Music, li se jsir fit-teatru ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, fis-6, 7 u 8 ta’ Ġunju, se tkun qed tiftaħ b’kanzunetta li għandha tifsira speċjali għaliha u mbagħad tibda r-rakkont tal-istorja ta’ ħajjitha minn meta kienet żgħira sal-lum.
Bejn rakkont u ieħor bil-mużika fl-isfond tal-band li se tkun qed takkumpanja, se tkun qed tkanta kanzunetta hi stess, b’tema li tkun relatata ma’ dak li tkun qed tirrakkonta dak il-ħin.
Żewġ kantanti oħra se jkunu qed jakkumpanjaw lil Stephanie f’żewġ kanzunetti marbuta ma’ ħajjitha.
Il-kanzunetti huma kollha cover versions popolari ħafna u l-istil ivarja minn jazz, rock, ballads, pop u aktar.
Mill-21 kanzunetta li se tkanta, Stephanie se tkun qed tiddedika wħud minnhom għal dawk il-persuni li għamlu differenza fil-ħajja tagħha, dawk li hija tqishom bħala “anġli li ġew mis-sema”, dawk in-nies li, minbarra l-familja tagħha, salvawha waqt li kienet qed tegħreq.
Il-band li se takkumpanja lil Stephanie se tkun magħmula mill-mużiċisti David Sammut, Christian Borg, Ryan Peter Portelli, Anthony Saliba aka l-Fesu u Karl Galea.
Stephanie qed taspira li kull min se jattendi l-kunċert jagħraf li minkejja l-problemi u l-isfidi li wieħed jista’ jkun għaddej minnhom, dejjem hemm tama biex tikber f’persuna aħjar u aktar b’saħħitha, u fuq kollox, li tgħix il-ħajja li tixtieq.
