Iżżomm il-ketchup fl-armarju? Jew forsi żżomm il-basal u l-patata merfugħa flimkien?

Jekk iva, ikun aħjar li terġa’ taħsibha fuq fejn għandek taħżen l-ikel tiegħek biex idum aktar ma jeħżien.

Minn prodotti li dejjem għandhom jinżammu fil-friġġ għal ikel li qatt m’għandek tiffriża, dawn huma xi regoli li tajjeb li tkun taf….

Dawn għandhom jinżammu fl-armarju:

Il-Patata:

It-temperaturi kesħin jibdlu l-lamtu fil-patata f’zokkor, b’hekk jistgħu jiskuraw u jiġu bla togħma. Il-patata għandha tinħażen mhux maħsula u f’post ventilat sew ‘il bogħod minn kull dawl tax-xemx. Jekk possibbli, żommhom ġo xkora jew basket tal-qasab.

Il-brunġiel:

Il-brunġiel m’għandux għalfejn jinżamm fil-friġġ, imma oqgħod attent li ma tħallihomx xi mkien sħun wisq, għax inkella jitkemxu. Poġġihom f’post frisk u mudlam ‘il bogħod mid-dawl tax-xemx dirett.

Ħxejjex priservati:

Sakemm ma kkontaminajtx il-vażett b’kuċċarina maħmuġa, il-preservattivi li jkunu fil-ħalq jew ilma bil-melħ għandhom idumu sewwa fl-armarju. Kun żgur li l-għatu huwa ssikkat u iċċekkja d-data ta’ skadenza. Madankollu, jekk qed ippreservajt il-ħaxix tiegħek int stess, dan l-aħjar li jinżamm fil-friġġ.

Soy sauce:

Fuq-tikkett ta’ fuq il-fliexken tas-soy sauce probabbli jkun hemm miktub li għandu jiġi mkessaħ, iżda r-ristoranti jħalluh fuq l-imwejjed il-ġurnata kollha. Il-verità? Il-kontenut għoli ta’ melħ ifisser li jista’ jinħażen f’temperatura ambjentali sa sitt xhur.

Ix-xampanja:

Jekk m’intix qed tippjana li tiftaħ flixkun xampanja jew inbid frizzanti fi żmien ħamest ijiem minn meta tpoġġih fil-friġġ, iżżommux maħżun hemm peress li bit-temperatura li tvarja bil-ftuħ u l-għeluq tal-bieba se tagħmillu l-ħsara. Ix-xampanja tinħażen l-aħjar billi żżomm il-flixkun mimdud, ‘il bogħod mid-dawl, f’kamra b’temperatura konsistenti. Kessaħ ftit sigħat qabel ma tkun se tiftaħha.

Żomm dawn fuq il-bank tal-kċina jew xkaffa miftuħa:

It-tadam:

It-temperaturi tal-friġġ jagħmlu ħsara lill-membrani tat-tadam, u jġiegħluhom jipproduċu aktar ilma. Il-ħażna tagħhom fil-friġġ se tnaqqas ukoll b’mod permanenti mit-togħma tagħhom. L-aħjar post biex tpoġġi t-tadam huwa fuq il-bank tal-kċina.

Ħwawar friski:

Ħwawar bħal ħabaq, kosbor, nagħniegħ, tursin u xibt għandhom jiġu ttrattati bħal bukkett ta’ fjuri – ittrimmja z-zkuk u żommhom f’tazza b’ilma frisk. Jekk iżżomhom fil-friġġ, il-weraq jidbiel u malajr jixxarrbu. Madankollu, ħxejjex ibsin bħal klin, sagħtar, salvja u riegnu għandhom ikunu mgeżwra f’sarvetta tal-karti u maħżuna f’kontenitur magħluq fil-kexxun tal-friġġ.

Il-butir:

Il-butir prattikament ma jistax jiddellek direttament mill-friġġ u huwa perfettament sikur li taħżen blokka butir f’dixx miksi fuq il-bank tal-kċina għal ġurnata jew tnejn. Madankollu, biex ma jdubx jew jiqras, poġġih xi mkien aktar frisk, barra mid-dawl tax-xemx dirett fix-xhur sħan tas-sajf. Jekk m’intix tippjana li tuża l-butir fi żmien ftit jiem, huwa aħjar li jinżamm fil-friġġ.

Il-ħawħ:

Tpoġġix ħawħ frisk fil-friġġ jekk ikun għadu mhux misjur u lest. Bħal ħafna frott tal-għadam ieħor, it-temperaturi kesħin ifixklu l-proċess biex il-frott isir sew, li jfisser li jkollok tistenna aktar biex tikolhom. Ikunu wkoll f’riskju ogħla li jitħassru. Poġġihom fuq il-bank tal-kċina u kessaħ biss biex idumu ftit aktar tajbin jekk tkun wasalt biex tikolhom.

Il-banana:

Temperaturi sħan huma meħtieġa biex il-banana ssir b’mod korrett, u dan il-proċess jitwaqqaf meta l-frott jitqiegħed fil-friġġ. Il-qoxra tista’ wkoll eventwalment tiswied fil-friġġ.

Taħżinhomx flimkien:

Il-basal u l-patata:

Hemm it-tendenza li nżommu l-patata u l-basal merfugħa flimkien, iżda hija idea ħażina. Il-basal jipproduċi ammont żgħir ta’ etilene, li għandu effett sinifikanti ħafna fuq il-patata. Bl-etiline tal-basal, il-patata tibda tinbet u jistgħu saħansitra jikber fungus li jikkawża t-tħassir. Issepara ż-żewġ ħxejjex u jdumu sa xahar fil-pantry. Madankollu, huwa tajjeb jekk taħżen it-tewm u l-basal flimkien.

Il-qara ħamra u l-frott:

Il-qara ħamra u tipi oħra ta’ squash jistgħu jkunu jifilħu fuq barra, iżda huma suxxettibbli ħafna għall-etilene prodott mill-frott. Żommhom ‘il bogħod minn xulxin u l-qara ħamra (kif ukoll iż-żewġ squashes tas-sajf u tax-xitwa) se jibqgħu aktar tajbin għal żmien itwal. Il-qara ħamra tista’ ddum sa tliet xhur tajba, jekk maħżuna weħidha.

Aħżen waħdu:

Il-ħjar:

Il-ħjar huwa speċjalment sensittiv għall-etilene, għalhekk sakemm ma tridx tara tħassir aċċellerat u sfurija, żommhom ‘il bogħod kemm jista’ jkun minn kwalunkwe frott jew ħaxix ieħor. Il-ħjar ma tantx idumu ħafna tajbin fil-friġġ għalhekk kun żgur li tixtri biss kemm għandek bżonn u użah malajr.

Il-pastard u l-brokkoli:

Aktar ħxejjex li jibdew jisfaru qabel iż-żmien fil-preżenza ta’ etilene, brokkoli u pastard huma wkoll sensittivi ħafna għall-gass. Il-weraq jibdew jinqalgħu miz-zkuk u jsiru rotob jekk jinżammu qrib it-tuffieħ, il-bettieħ u t-tadam. Ma tantx idumu tajbin jekk ma jkunux fil-friġġ, għalhekk żommhom fil-friġġ ‘il bogħod minn prodotti oħra u jżommu sa ħamest ijiem.

Il-karrotti:

Il-karrotti huma wkoll sensittivi għall-etilene. Il-ħaxix tal-għeruq huwa pjuttost reżistenti u se jdum sa tliet ġimgħat jekk ikun imkessaħ, imma jekk iżżommhom qrib ikel li jipproduċi l-etilene bħal tuffieħ, patata jew tadam, jibdew jiżviluppaw togħma morra pjuttost malajr.

Żomm fil-friġġ:

It-tamal:

Tista’ tkun sorpriż li ssir taf li t-tamal hu l-aħjar maħżun fil-friġġ, minkejja l-fatt li frott ieħor niexef jibqa’ tajjeb fl-armarju. Dan għaliex it-tamal mhuwiex niexef daqs frott niexef ieħor, bħal pereżempju l-cranberries jew il-berquq. Peress li jkunu għadhom iżommu ftit umdità, huwa aħjar li żżommhom friski f’kontenitur magħluq biex jippreservaw it-togħma tagħhom. Jekk taħżenhom barra mill-friġġ, progressivament isiru aktar niexfa u jitilfu t-togħma tagħhom.

It-tuffieħ:

Wieħed mill-ftit frott li jibbenefika mir-refriġerazzjoni huwa t-tuffieħ. Dan għaliex it-tuffieħ jirrilaxxa gass tal-etilene, li jħaffef il-proċess tat-tisjir ta’ kwalunkwe frott u ħaxix. Jekk jinżammu fil-friġġ, il-produzzjoni tal-etilene titnaqqas, u għalhekk idumu aktar tajbin. Kun żgur li ma żżommx it-tuffieħ flimkien ma’ ħaxix ieħor, u għattihom b’sarvetta tal-karti niedja jew poġġihom f’borża tal-plastik bit-toqob.

Il-Ġulepp tal-aġġru pur (maple syrup):

Minkejja l-kontenut għoli ta’ zokkor tiegħu, il-ġulepp pur jista’ jitħassar, jekk mhux imkessaħ. M’hemm l-ebda preservattiv fil-ġulepp tal-aġġru pur u għalhekk maż-żmien tiżviluppa saff ta’ moffa fuq il-wiċċ, jekk jinżamm f’temperatura ambjentali. Jekk trid li jibqagħlek fit-tul, l-aħjar hu li żżommu fil-friġġ.

Il-Ketchup (iżda wara li jinfetaħ biss):

Jekk il-ketchup għandux jinħażen fil-friġġ jew fl-armarju hija xi ftit kwistjoni kontenzjuża. Filwaqt li jkun tajjeb li wieħed jassumi li minħabba l-ammont għoli ta’ ħall, melħ u zokkor fil-ketchup huwa sikur li żżommu f’temperatura tal-kamra, mhuwiex eżattament il-każ.

Ġie kkonfermat li grazzi għall-aċidità naturali tiegħu, il-ketchup jibqa’ tajjeb barra mill-fridge. Madankollu, hekk kif tkun ftaħt il-flixkun, skont fejn ikun qed jinżamm jista’ jaffettwa l-prodott, għalhekk huwa rakkomandat li jinżamm fil-friġġ.

Żomm dawn fil-friża:

Zalza tat-tadam jew tal-ħaxix:

Mod wieħed kif tippreserva l-prodotti – speċjalment ħxejjex bħat-tadam, il-zucchini u l-fażola ħadra li tista’ tixxarrab u tidbil, huwa li tagħmilhom f’zalza li tista’ tiġi ffriżata, imbagħad iddifrostjata u msajra meta meħtieġ. Ratatouille u zalza tat-tadam ippakkjata bil-ħaxix huma żewġ għażliet tajbin għal dan.

Taħlita:

Għamilt wisq taħlita għal xi kejk jew taħlita għal panura? Tarmihiex, tista’ tinżamm f’kontenitur magħluq fil-friża sa xahar. Iddifrostjaha sewwa qabel tużaha.

L-għaġina nejja:

Bl-istess mod, kwalunkwe għaġina żejda u għaġina mhux ipproċessata, tista’ tiġi ffriżata jekk tkun imgeżwra sewwa fi cling film. Huwa aħjar li tagħmel dan malajr wara l-preparazzjoni sabiex ma tilħaqx tinxef. Dan japplika wkoll għall-ħmira friska, u l-għaġina li fiha ħmira u anki li tkun diġà għoliet. Iddifrostjaha matul il-lejl fil-friġġ qabel tużaha.

L-iscrambled eggs:

L-iscrambled eggs huwa wieħed mill-aħjar modi biex tiffriża l-bajd minħabba li l-isfar imħawwad mal-abjad, jipprevjeni li l-abjad ma jsirx qisu gomma. L-ewwel sajjar l-iscrambled eggs, imma ftit anqas mis soltu. Imbagħad ħallihom jiksħu u ffriża l-porzjonijiet f’kontenituri tal-cupcakes għal mhux aktar minn nofs siegħa. Neħħi u poġġi f’boroż tal-friża individwali, iġbed kwalunkwe arja qabel ma tagħlaq. Ħallihom jiddifrostjaw fil-friġġ matul il-lejl qabel ma ssaħħanhom mill-ġdid fil-microwave jew taġen.

Il-pancakes:

Pancakes imsajra jistgħu wkoll jiġu ffriżati għal ftit xhur. Ħalli l-pancakes jiksħu u mbagħad poġġi karta parċmina bejn kull wieħed qabel ma tgeżwer sewwa fi cling film. Tista’ terġa’ ssaħħanhom hekk kif ikunu ffriżati, fil-microwave, il-forn jew f’toaster. Kemm iżżomm għajnejk fuqhom biex ma jiġux iqarmċu wisq jew jinħarqu.

Qatt tiffriża:

Bajd nej bil-qoxra b’kollox:

Bajd nej bil-qoxra b’kollox jisplodi minħabba li l-likwidu jespandi hekk kif isir solidu. Madankollu, tista’ tiffriża l-abjad tal-bajd nej. Żid biss raxxa melħ jew zokkor biex tevita li l-bajd ma jsirx qisu gomma u kun żgur li jkun hemm biżżejjed spazju fil-kontenitur biex il-bajd jespandi ftit meta jkun iffriżat.

Il-frosting jew ġelu:

Ġelu magħmul bl-abjad tal-bajd jista’ jissepara jekk ikun iffriżat u iddifrostjat. Dan jista’ jħassarlek kejk. Għalhekk minflok, iffriża l-kejk u agħmel il-ġelu frisk.

Ross imsajjar:

Li żżomm ir-ross imsajjar fil-friġġ jew fil-friża huwa suġġett ta’ ħafna dibattiti, iżda trid tkun konxju tar-riskji. Fir-ross imsajjar li jitħalla f’temperatura tal-kamra jista’ jiżviluppa batterju li jikkawża avvelenament mill-ikel. Jekk trid iżżomm ir-ross, kun żgur li jibred malajr u żomm fil-friġġ għal mhux aktar minn ġurnata. Meta ssaħħan mill-ġdid, kun żgur li ssaħħnu sewwa.

Patata nejja:

Il-patata għandha kwantità għolja ta’ ilma għalhekk jekk tkun iffriżata, dak l-ilma jiffriża, u jikkawża l-iffurmar ta’ kristalli tas-silġ li jaffettwaw it-togħma u l-konsistenza ladarba jinħallu. Soluzzjoni għal din il-problema hija li issajjar parzjalment jew kompletament il-patata qabel l-iffriżar, Iżda ġeneralment ikun aħjar li tevita.

Insalata u weraq tal-insalata:

Il-ħjar, il-ħass, ir-ravanell u kull ħaxix aħdar tal-insalata għandhom kwantità għolja ta’ ilma, li jġiegħelhom jinbidlu u jidbielu meta jiġi ddifrostjati. Ixtrih u kulu frisk hija l-unika regola li għandek tiftakar meta niġu għall-insalati.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks