Il-President Russu Vladimir Putin tenna li l-azzjonijiet ta’ Moska m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kriżi tal-enerġija u tal-ikel imminenti fid-dinja u għal darb’oħra tefa’ l-ħtija fuq l-istrateġiji ekonomiċi u finanzjarji tal-Punent għall-ħolqien ta’ xenarju bħal dan.
Uffiċjali attwali u preċedenti tal-enerġija qed jinkwetaw li l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, wara snin ta’ investiment insuffiċjenti fis-settur tal-enerġija, se ġġiegħel lid-dinja tgħaddi minn kriżi li se tirrivali, jew saħansitra teċċedi, il-kriżijiet taż-żejt tas-snin sebgħin u l-bidu tat-tmeninijiet. .
Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden tefa’ l-ħtija tal-invażjoni tar-Russja għal żidiet fil-prezzijiet domestiċi u nuqqas ta’ provvista tal-ikel globali.
F’intervista mal-istazzjon tat-televiżjoni statali Rossiya-1, il-mexxej Russu tefa’ l-ħtija fuq l-Istati Uniti talli, skont hu, “injettat somom kbar ta’ flus” fl-ekonomija tagħha bħala mezz biex tiġġieled il-konsegwenzi tal-pandemija tal-koronavirus, li wassal għal inflazzjoni u “sitwazzjoni sfavorevoli fis-suq tal-ikel, minħabba li l-ewwelnett, il-prezzijiet tal-ikel żdiedu.”
Putin tefa’ l-ħtija wkoll fuq l-istrateġija tal-pajjiżi Ewropej, u fuq kollox tal-Kummissjoni Ewropea, fis-settur tal-enerġija għall-kriżi fis-suq tal-ikel u tal-enerġija.
Fost affarijiet oħra, Putin qal li l-Ewropej ma tawx widen għat-talbiet urġenti tar-Russja biex jippreservaw kuntratti fit-tul għall-provvista tal-istess gass naturali lill-pajjiżi Ewropej, u bdew ukoll itemmu l-kuntratti. Skont hu, dan kellu impatt negattiv fuq is-suq Ewropew tal-enerġija.
Huwa sostna li, dik li hu jsejjaħ bħala l-“operazzjoni militari” tar-Russja fl-Ukrajna, m’għandha assolutament xejn x’taqsam mal-kriżi.
Il-Kremlin qal li Moska hija lesta li tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti biex tevita l-kriżi tal-ikel permezz tal-esportazzjoni tal-qamħ u fertilizzanti, jekk il-Punent ineħħi r-restrizzjonijiet fuq ir-Russja.
