L-Ajruport ta’ Gatwick skuża ruħu ma’ passiġġiera b’diżabilità li tħalliet tistenna fuq ajruplan għal aktar minn siegħa u nofs wara li kien niżel.

Iddeskriva l-mod kif ġiet trattata Brignell bħala “inaċċettabbli”.

Victoria Brignell, li għandha minn għonqha ‘l isfel paralizzat, qalet li kienet ibbukkjat l-għajnuna tliet xhur bil-quddiem, u reġgħet fakkrithom ġimagħtejn qabel, u xorta ma ħaditx is-servizz li stenniet li jkollha.

Il-ħabiba tagħha Sonia Sodha tellgħet ritratt ta’ Brignell fuq ajruplan vojt.

Brignell spjegat li peress li ma tistax tuża idejha u saqajha, għandha bżonn l-għajnuna ta’ żewġ persuni biex tinżel minn fuq ajruplan.

Hija qalet li l-istaff tal-British Airways kienu “fantastiċi”, ġabulha x’tixrob waqt li kienet qed tistenna li jaslu l-istaff tal-Ajruport ta’ Gatwick, iżda qalet li sadanittant hi ma setgħetx tuża lanqas it-toilet.

Minħabba dan, passiġġieri oħra li kienu qed jistennew biex jitilgħu fuq l-ajruplan għal titjira differenti kellhom jistennew aktar.

Brignell qalet li kienet nervuża ħafna li kienet se tivvjaġġa bl-ajruplan għax kienet semgħet ħafna stejjer dwar siġġijiet tar-roti li ntilfu.

Hija qalet li din kienet ir-raba’ darba li vvjaġġar bl-ajruplan.

Minkejja li rċeviet apoloġija minn Gatwick permezz ta’ Twitter, Brignell qalet li qed tippjana li tressaq ilment uffiċjali.

“Inħoss li fl-2022 in-nies m’għandhomx jibqgħu mwaħħla fuq ajruplan għal dak it-tul ta’ ħin.”

Victoria Brignell

L-ajruport ta’ Gatwick qal li se ssir investigazzjoni b’urġenza dwar għaliex il-mara baqgħet fuq l-ajruplan għal dak it-tul ta’ ħin.

Kelliem għall-ajruport qal li t-trattament li rċeviet il-mara fl-Ajruport ta’ Gatwick kien inaċċettabbli u offra apoloġija lil Victoria.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks