Il-mewt traġika ta’ Shawn Curmi, missier ta’ 43 sena, li miet waqt li kien qed jagħmel xogħol f’daru stess fiż-Żejtun, ixxukkjat lil bosta.

Familja, ħbieb u kollegi ta’ Shawn, li kien jaħdem bħala infermier psikjatriku, esprimew in-niket u x-xokk tagħhom għal din l-aħbar traġika u ddeskrivewh bħala raġel b’qalb tajba u maħbub minn kulħadd.

Fost għadd ta’ messaġġi, spikka partikolarment dak tat-tfajla tiegħu, Tessabelle Camilleri.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Tessabelle kitbet ittra ta’ qsim il-qalb lill-maħbub tagħha Shawn fejn fiha esprimiet l-imħabba tagħha lejh u l-uġigħ li qed tħoss f’dan iż-żmien tant diffiċli.


“Ma naħsibx li qatt se nkun kapaċi nesprimi bis-sħiħ l-uġigħ li qed inħoss f’qalbi. INTI kont l-aqwa ħabib tiegħi fid-dinja kollha u l-prijorità numru wieħed tiegħi. Ħafna drabi għedtlek “Inti tispirani kuljum”. Int kont l-aktar persuna b’saħħitha u ta’ qalb tajba li qatt iltqajt magħha. Raġel bl-isbaħ qalb.”

Tessabelle Camilleri


Hija rringrazzjatu talli kien hemm meta kellha bżonn spalla biex tibki, biex tiftaħ qalbha u persuna ma’ min setgħet titkellem għal sigħat fuq kollox.

Aktar minn hekk, Tessabelle irringrazzjat lil Shawn talli uriha xi tfisser tassew l-imħabba ta’ vera u xi tħoss meta tkun rispettata.

“Grazzi tal-ikliet kollha li sajjartli. Grazzi talli qsamt ħajtek miegħi. Grazzi talli dejjem tajtni l-ħin tiegħek. Qatt mhu se ninsa l-ħoss tal-vuċi tiegħek u dik it-tbissima sabiħa. U qatt, qatt mhu se ninsa l-ħarsa ta’ dawk l-għajnejn sbieħ tiegħek.

Tessabelle Camilleri


Filwaqt li kitbet li se timmisjah kuljum, fl-ittra indirizzata lil Shawn, Tessabelle fakkret il-pjanijiet li kienu ppjanati li jagħmlu flimkien għall-ewwel darba.

“Għadni qed nipprova naċċetta l-fatt li qatt ma nista’ nġibek lura, u m’għandi l-ebda idea kif qatt se naċċetta dan. Nibqa’ nistenna t-telefonata tiegħek. Qalbi qed tinqasam ma’ kull sekonda li tgħaddi.”

Tessabelle Camilleri

Fl-aħħar nett, Tessabelle kitbet li Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, l-imħabba tagħha għal Shawn se tkompli tikber u li dan se jkun l-aktar vjaġġ diffiċli ta’ ħajjitha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks