Britney Spears iżżewġet lill-għarus Sam Asghari, seba’ xhur wara li nħelset mill-irbit tal-arranġament legali li kellha ma’ missierha, li qalet li kien żammha milli tiżżewweġ.

Il-koppja żżewġu f’ċerimonja intima f’Kalifornja nhar il-Ħamis.

Iżda t-tħejjijiet ġew imfixkla meta Jason Alexander, li kien miżżewweġ għal ftit sigħat biss lill-istilla tal-pop fl-2004, ġie arrestat wara li allegatament daħal bla permess fejn kienu se jiżżewġu

Huwa xandar filmat fuq Instagram Live qabel iċ-ċerimonja apparentement minn ġewwa darha qabel ma ġie arrestat.

Huwa qed jiġi akkużat b’erba’ reati fosthom li daħal ġo proprjetà privata bla permess u b’vandaliżmu.

Jason Alexander kien miżżewweġ lil Spears, il-ħabiba tiegħu tat-tfulija, għal inqas minn 55 siegħa fl-2004 qabel ma ż-żwieġ ġie annullat.

Il-filmat tiegħu wera lil Alexander miexi fid-dar ta’ Spears ifittixha u mbagħad daħal f’tinda fejn kienu qed isiru l-aħħar tħejjijiet. Huwa sostna li Spears stednitu, u nstema’ jgħid li Spears hija l-ewwel u l-unika mara tiegħu.

Iċ-ċerimonja saret aktar tard nhar il-Ħamis, u skont rapporti, Madonna, Paris Hilton u Drew Barrymore kienu fost il-mistednin. Donatella Versace iddisinjat il-libsa tat-tieġ, għalkemm ma ġew ippubblikati l-ebda ritratti.

Iżda missier, omm u oħt Spears kien rappurtat li ma kinux mistennija jkunu fit-tieġ wara li r-relazzjonijiet ta’ bejnietnhom tkissru minħabba l-konsegwenzi tal-arranġament legali li kellha.

F’Novembru, Spears, li għandha 40 sena, inħelset mill-kustodja legali kontroversjali fejn għal 13-il sena, missierha Jamie kien jikkontrolla ħafna aspetti ta’ ħajjitha.

Is-sena l-oħra, qalet lill-qorti li dan kien ifisser li ma setgħetx tiżżewweġ u jkollha tarbija.

Jamie Spears kien qal li l-arranġament legali kien meħtieġ għas-saħħa mentali ta’ bintu, iżda qabel li wasal iż-żmien li terġa’ tieħu l-kontroll ta’ ħajjitha.

F’April li għadda, Spears ħabbret li kienet ħarġet tqila, iżda x-xahar ta’ wara ħabbret li sofriet korriment.

Spears iltaqgħet mat-trejner personali tagħha Sam Asghari, li għandu 28 sena, fl-2016 fuq is-sett tal-video mużikali tagħha għall-kanzunetta Slumber Party.

F’intervista mal-BBC Persian, li saret ix-xahar qabel it-tħabbira tat-tqala tagħha, Asghari qal li ż-żwieġ u l-pjanijiet biex ikollhom t-tfal kellhom iseħħu tliet snin ilu.

Il-koppja tgħarset f’Settembru li għadda, xahrejn qabel ma ntemm l-arranġament legali.

Asghari huwa t-tielet raġel ta’ Britney Spears. Wara Jason Alexander, hija kienet miżżewġa lil Kevin Federline mill-2004 sal-2007.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks