Select Page

Fil-verità naħseb u nħoss li dawn iż-żewġ frażijiet huma marbuta u jidħlu f’xulxin. Kultant lanqas biss nindunaw kemm tgħażżinna u qed nitgħażżnu, sforz kemm il-ħajja qed tagħmel avvanzi kbar biex aħna nkunu aktar komdi.

U x’għamlitilna din il-kumdità? Minn niddendlu mas-siġar u niġru biex nikkaċċjaw xi annimal bex nikluh, ġabitna npoġġu bilqiegħda, bil-platt lest sħun quddiemna. Imbagħad wara li nieklu nerġgħu nintefgħu paxxuti fuq is-sufan naraw it-TV, bil-konsegwenza li ġejna l-aktar poplu obeż fl-Ewropa.

Jekk indawru ħarsitna fuq it-tfal, qed naraw li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed ikun hawn żgħażagħ li qed joħorġu mill-iskola ma jafux jaqraw u jiktbu u agħar minn hekk lanqas biss qed ikollhom ħeġġa jagħmlu xejn, lanqas li jkomplu jistudjaw! Tgħid minn fejn hi ġejja din il-passività kollha lejn il-ħajja? Kull min tisma’ jgorr, għax il-ħajja saret stressanti wisq biex ngħixuha.

Hemm diversi fatturi li qed jikkontribruxxu għal din il-leterġità kollha però fl-opinjoni tiegħi l-akbar wieħed hu li kulħadd jippretendi li għandu dritt għal kollox, mingħajr ma jagħmel xejn. Anke l-kultura u s-sistema li qed ngħixu fiha, ma tgħinx wisq biex ninqalgħu minn din il-mentalità ta’ “ jien ħaqqni xi ħaġa dejjem”!

Nemmen li l-ħafna benefiċċji li għandna f’dan il-pajjiż qed tgħin lil ħafna nies. Għalkemm fl-istess ħin hemm xi wħud li jekk ikollhom għażla, jippreferu ma jaħdmux u joqogħdu jieħdu l-benefiċċji. Dan hu perikoluż ħafna, għax qed iwassal biex ħafna jħossuhom bla skop f’ħajjithom.

Ejjew nitgħallmu naraw lil hnin mill-kumdità u nderru lilna nfusna li xejn ma jaqa’ mis-sema u hekk inħossu ċertu sodisfazzjon ukoll meta naħdmu għal xi ħaġa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks