Wieħed mill-mistednin fl-edizzjoni ta’ Sibtek ta’ nhar is-Sibt li għadda, kien l-attur Patrick Tanti.
Bħala attur, Patrick Tanti jinterpreta diversi karattri, kemm fuq produzzjonijiet televiżivi kif ukoll teatrali.
Minbarra l-intervista li konna għamilna miegħu fuq dan is-sit, permezz ta’ Sibtek, sirna nafu ftit aktar lil Patrick minn aspett aktar personali.
Is-sorpriża li Ryan u Josmar kellhom ippreparata għal Patrick kien proprju messaġġ mingħand Roberta Magri, id-direttriċi ta’ dan is-sit.
F’messaġġ emozzjonali, Roberta esprimiet xi jfisser għaliha Patrick u x’differenza jagħmel kuljum fil-ħajja tagħha.
Roberta stqarret li Patrick, dawlilha ħajjitha, għaliex fiż-żmien li hi u Patrick saru jafu lil xulxin, kienet għaddejja minn żmien diffiċli u hu kien il-persuna li għenha terġa’ tiġi fuq saqajha u li għenha terġa’ tibda tagħraf is-sabiħ tal-ħajja.
“Fil-31 sena li ilni ngħix, ma kien hemm ħadd li għamel differenza daqskemm għamilt u tagħmel int kuljum fil-ħajja tiegħi.”
Roberta lil Patrick
Minbarra d-differenza li jagħmel fil-ħajja tagħha, Roberta qalet li Patrick għenha twettaq l-akbar ħolma ta’ ħajjitha, dik ta’ skoperta.net. Hija qalet li għalkemm ftit nies jafu dan, skoperta.net ma kienx ikun dak li hu llum kieku ma kienx hemm is-sehem ta’ Patrick, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz tas-sapport u l-motivazzjoni li jagħtiha biex tkompli taħdem għall-ħolma tagħha
“Nixtieq li kull persuna f’wiċċ id-dinja tesperjenza dak li qed inħoss jien bil-preżenza tiegħek fil-ħajja tiegħi.”
Roberta lil Patrick
Roberta rreferiet għal Patrick bħala pilastru f’ħajjitha u minkejja li l-kelma grazzi tħoss li mhijiex biżżejjed, xorta waħda rringrazzjatu ta’ dak kollu li għamel, qed jagħmel u li għad irid jagħmel magħha.
“Ma nista’ qatt nagħtik lura dak li tagħtini imma taf li nixtieqlek il-kuntentizza u l-ġid kollu tad-dinja daqskemm kieku nixtieq għalija u aktar.”
Roberta lil Patrick
Filwaqt li għal darb’oħra, irringrazzjat lil Patrick ta’ kollox, fl-aħħar nett Roberta qalet li tinsab ħerqana għal aktar mumenti fil-kumpanija ta’ xulxin u aktar ħafna aktar snin jieħdu paċenzja b’xulxin.
Min-naħa tiegħu, Patrick qal li saru jafu lil xulxin ftit qabel ma beda skoperta.net, u għalkemm qatt ma kien involut f’dan ix-xogħol, beda jagħti s-sehem tiegħu billi mhux biss jgħinha u jaqsam l-ideat iżda wkoll ikun ta’ spalla għaliha.
Patrick qal li kull ma ltaqgħu f’dawn l-aħħar sena u 8 xhur, darbtejn biss, minħabba s-sitwazzjoni tal-covid, madanakollu, jitkellmu kuljum, u stqarr li l-kuntatt ta’ kuljum sar parti mill-ġurnata tiegħu.
Il-messaġġ li Patrick xtaq jgħaddi lil Roberta huwa li għalkemm hi tagħti ħafna credit lilu għax-xogħol li jsir, fil-verità kollox jiddependi minnha, u qed tagħmel biċċa xogħol tajba ħafna fuq skoperta.net. Huwa qal li jixtieqha temmen aktar fiha nnifisha, aktar milli diġà tagħmel.
Patrick qal li hu qiegħed ta’ sapport dejjem għaliha mhux biss għal dan ix-xogħol iżda anki għall-ħajja personali tagħha.
