“U tifla sbejħa bħalek xi tkun qiegħda tagħmel fuq tal-linja waħedha?” semgħet leħen maskili jgħidilha minn taħt l-ilsien, eżatt maġenb widnitha. Iffriżat. Ma ċċaqalqitx. Ma kellhiex għalfejn iddur tħares lejh. Kienet taf li kien hu. Mhux għax riedet imma ħasset in-nifs fietel tiegħu jaħbat mal-ġilda fina li kellha wara widnejha u ġisimha qam xewk xewk.
Mingħajr ma’ ċaqalqet rasha, għajnejha daru ‘l hemm u ‘l hawn ħalli tara kienx hemm xi ħadd li kien qed jinnota s-sitwazzjoni stramba illi kienet qiegħda fiha hi. Iżda donnu ħadd ma kien qed jagħti kashom.
Caroline għalqet għajnejha u għaqqdet idejha ponnijiet. Minn fejn kien ġie? Kif ma kinitx ratu?
“Jien taf kemm togħġobni tifla sabiħa bħalek?” qalilha.
Dan għax kien qed jgħidilha hekk? X’ried minnha?
Kienet se ddur u tistaqsih.
“Tkellimx stranġieri, Caroline.”
Fetħet għajnejha u berrqithom.
Iva, jekk ma tkellimx stranġieri kollox kien se jkun owkej.
U dak il-ħin ratha! Maġenha, in-naħa l-oħra tal-karozza tal-linja lemħet mara ftit imdaħħla fiż-żmien, tħares lejhom b’kurżita.
Caroline fetħet ħalqha bilmod. Indunat li l-mara kienet għadha qiegħda tiflihom. Bil-biża’ li kellha fuqha, Caroline kienet qiegħda tirtogħod u l-għaraq kien qed ixoqq għaliha.
“Għinni!” għamlet mossa b’xufftejha lejn il-mara.
“M’intix se tkellimni?” reġa’ nsista.
Eżatt malli x-xarabank waqfet ħalli joħorġu ftit nies minn ġo fiha, Caroline ħatfet il-basket tal-iskola li kienet waddbet maġenbha, qamet bilwieqfa u telqet tiġri ‘l barra b’kemm kellha saħħa.
Għal mument bdiet tħaffef minn ġon-nies ħalli titlaq ‘il bogħod kemm jista’ jkun. Ġriet u ġriet. Eżatt malli daret il-kantuniera, serrħet daharha mal-ħajt u daret tħares lura. Ħadet nifs twil. It-triq kienet vojta. Iżda eżatt malli ġiet biex tkompli timxi, ħasset lil xi ħadd jiġbidha mill-basket tal-iskola li kellha mdendel ma’ daharha.
“Caroline…….” qalilha.
Maħkuma b’biża’ kbir, daret tħares lejh.
Kien jaf x’jisimha!
“Int kif tafni?” staqsietu.
“Iżjed milli taħseb inti…..” weġibha.
Qalbha għamlet tikk. Reġgħet bdiet tirtogħod. Kien sabha! Kien qed iżommha mill-basket! F’sekonda waħda, ippruvat tinħall mill-basket tagħha li kien f’idejh u ppruvat titlaq tiġri b’kemm kellha saħħa. Iżda r-raġel tal-kappell ġibidha lejh.
“Int għal miegħi!” qalilha.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi