L-arti ta’ tisjir tajjeb hija aktar minħabba prattika, milli talent speċjali.
Imma kif tevita żbalji komuni meta kollox imur ħażin?
Tricks żgħar imma bżonnjużi jgħinuk tevita li tagħmel l-istess żbalji fil-futur, kemm jekk l-ikel fil-forn dejjem jiġik imsajjar iżżejjed, kemm jekk il-kejkijiet jiġuk ċatti bħal pancake jew il-ħxejjex jiġu rotob u msjarin wisq.
Dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk:
Ħaxix artab wisq u mimli ilma:
Ħaxix artab ħafna (soggy) huwa sempliċement imsajjar żżejjed. Il-ħaxix aħdar kollu għandu jitqiegħed f’ilma jagħli, immellaħ, u mhux fl-ilma kiesaħ. Il-ħaxix ikompli jsir anki meta tkun saffejtu. Jekk il-ħxejjex ikunu f’riskju li jissajru żżejjed, saffi u mbagħad daħħal fi skutella ilma bis-silġ.
Ħafna mill-ħxejjex ħodor jeħtieġu massimu ta’ tliet minuti tisjir, filwaqt li l-pastard u l-brokkoli jeħtieġu minuta jew żewġ minuti aktar, skont id-daqs. U taqtax forma ta’ salib fil-Brussels sprouts, għax dan iġiegħelhom jirtabu aktar mat-tisjir.

Il-kejk huwa dens wisq:
Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għaliex kejk ikun dens, li kollha jistgħu jiġu evitati faċilment.
Jista’ jkollok arja insuffiċjenti billi ma tikkremax il-bajd u z-zokkor flimkien għal ħin twil biżżejjed.
Forsi ħabbatt il-whisk mat-tarf tal-iskutella tat-taħlita u b’hekk ħriġt l-arja mit-taħlita tiegħek.
Jista’ jkun ukoll li żidt aktar dqiq milli suppost, jew it-trab tal-ħmira li użajt jista’ jkun qadim wisq biex jaħdem. Jekk trid tiċċekkja t-trab tal-ħmira tiegħek, żid kuċċarina ma’ ilma jagħli u għandu jibda jtella’ bżieżaq mill-ewwel.

Bajd imsajjar iżżejjed:
Il-bajd isir malajr, u jibqa’ jissajjar ladarba jitneħħa mis-sħana. Jekk qed tagħmel froġa, itwiha waqt li ċ-ċentru jkun għadu inixxi.
Il-bajd scrambled għandu jissajjar fuq sħana medja, mhux fuq nar għoli. Għal bajda mgħollija perfetta, ħalli 6 minuti biex l-isfar jiġi maħlul, 7 minuti għal isfar aktar sod u kremuż. Għal bajd poached perfett, tużax poacher tal-bajd għax tnixxifhom.
Minflok, uża bajd frisk, żid raxxa ta’ ħall abjad jew apple cider vinegar fil-kazzola kif l-ilma jagħli, ħawwad l-ilma b’mgħarfa, u żid il-bajda bilmod. Sajjar għal 4 minuti.

It-taħlita tal-kejk tfur fil-forn:
L-ewwel nett, iċċekkja d-daqs tal-landa/kontenitur li jkun meħtieġ fir-riċetta u kejjel il-landa tiegħek. Bħala regola ġenerali, it-taħlita tal-kejk għandha timla minn nofs sa żewġ terzi tal-landa. Jekk it-taħlita tiegħek għadha tfur, l-aħjar huwa li ssib riċetta ġdida li tkun ġiet ittestjata b’mod korrett, jew taqbel mad-daqs tal-landa li diġà għandek.

Laħam il-forn ġie iebes:
Waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li l-qatgħa tal-laħam ma tkunx tajba għall-forn. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu wkoll li qatgħat kbar jeħtieġu tisjir għal tul ta’ ħin u bil-mod f’nar baxx.

In-nofs tal-kejk jinżel:
Jekk in-nofs tal-kejk jinżel jista’ jkun li għadu mhux imsajjar sew għalhekk dejjem għandek tiċċekkja billi ddaħħal sikkina, u ara li toħroġ nadifa. Dan jista’ jkun ikkawżat ukoll minn temperaturi li jvarjaw fil-forn. Nafu li huwa diffiċli, imma irreżisti t-tentazzjoni li tiftaħ u tagħlaq il-bieba tal-forn, għax b’hekk tikkawża li l-forn jibred u l-kejk jinżel. Xi fran għandhom ‘hot spots’, għalhekk tkun tista’ ddawwar il-kejk f’nofs it-tisjir, imma agħmel dan malajr, mingħajr ma tiftaħ għalkollox il-bieba tal-forn.

Il-bajd jeħel mat-taġen:
L-abjad tal-bajd huwa proteina pura, mingħajr xaħam, u għalhekk jista’ jeħel faċilment mat-taġen. Anke jekk it-taġen tiegħek ma jwaħħalx, l-aħjar huwa li togħrku biż-żejt fuq biċċa karta tal-kċina. Jekk ma jkunx non-stick, żid saff ta’ żejt fuq il-bażi. Żgura wkoll li t-taġen ikun jaħraq ħafna qabel ma żżid il-bajd, sabiex b’hekk jagħqdu mill-ewwel.

Il-kejkijiet dejjem jeħlu mal-landa:
B’landa tal-kejk sempliċi: forma tonda, kwadra jew loaf tin, huwa faċli li tidlikhom biż-żejt, u mbagħad tiksihom b’parċmina tal-ħami. Iżda Bundt, ring u laned b’forom oħra huma aktar delikati. Uża sprej taż-żejt jew pinzell bil-butir imdewweb biex tidħol fl-irkejjen kollha. Imbagħad roxx raxxa ħafifa dqiq.

L-avokado dejjem jibdel il-kulur:
Hekk kif l-avokado jiġi espost għall-arja, jossidizza u jsir kannella. Allura l-wiċċ jeħtieġ li jiġi mgħotti direttament bi clingfilm biex iżomm l-arja. B’raxxa tajba meraq tal-lime jew tal-lumi iddum aktar tajba wkoll, kif ukoll jekk jekk tidlikha biż-żejt taż-żebbuġa. Iżda xorta trid tkun protetta bis-sħiħ mill-arja.

Il-kejk jinħaraq fit-truf:
Din hija soluzzjoni faċli. Il-problema hija li l-landa tkun ġiet midluka żżejjed bil-butir jew iż-żejt, u b’hekk it-truf jinqlew u jsiru iqarmċu. Il-kisi tal-landa bil-parċmina tal-ħami hija għażla aktar sikura għal kejkijiet imsajra b’mod uniformi, u jevita kwalunkwe ħruq fit-truf. Jew, jekk qed tuża żejt jew butir, uża ftit.

L-ikel jibqa’ qisu bla togħma:
Dejjem duq min ħin għal ħin waqt it-tisjir, u tibżax mill-melħ. Mhux biss tkun qed iżżid l-imluħa, iżda toħroġ aktar it-togħmiet ħelwin, u jnaqqas milli l-ikel jintihem morr. Minbarra l-melħ, li meta jintuża b’mod korrett se jittrasforma t-tisjir tiegħek, xi bżar iswed midħun frisk jew ftit chilli x’aktarx se jtejjeb l-ikel.

Frosting tal-ġobon kremuż maħlul wisq:
Jekk qed tfittex modi biex tnaqqas il-kaloriji, tajjeb li tkun taf li frosting tal-ġobon kremuż ma jistax isir bil-ġobon kremuż li jkollu inqas ammont ta’ xaħam (low fat). Għandek bżonn il-verżjoni sħiħa tax-xaħam, u tuża marka tajba, bħal Philadelphia. Il-ġobon u l-butir jeħtieġ ukoll li jkunu f’temperatura tal-kamra, u importanti li tuża butir ta’ kwalità tajba peress li dawk irħas jistgħu jdubu u jiġu qishom ilma.

Il-wiċċ tal-majjal il-forn ma jiġix iqarmeċ (crackling):
L-umdità u l-ġilda niedja huma l-ghadu jekk inti tridu jiġi jqarmeċ. Il-ġilda trid tkun niexfa ħafna. Nixxef il-laħam sew b’sarvetta jew karta tal-kċina. Imbagħad ħallih, mikxuf, matul il-lejl fil-friġġ. Il-friġġ se tkompli tnixxef il-ġilda tal-laħam. Roxx sew melħ tal-baħar fuq il-laħam, imbagħad ibda sajru f’forn sħun ħafna, fejn il-qoxra tibda tbaqbaq u tqarmeċ. Ladarba jkun tqarmeċ il-wiċċ, baxx il-forn biex tkompli ssajjar il-laħam.

Il-meraq tal-laħam jispiċċa fuq il-bord tat-tqattigħ:
Kemm jekk laħam jew tjur, jeħtieġ li tħallih joqgħod ftit qabel toħorġu mill-forn. Dan jippermetti li l-proteini fil-laħam jikkoagulaw u jżomm ħafna mill-meraq fil-laħam. Ħalli t-tiġieġ jew il-laħam joqgħod għal 10 minuti jew 20 minuta u dundjan jista’ joqgħod għal 45 minuta qabel ma tqattgħu. Meta l-laħam joqgħod sew jagħmilha aktar faċli biex tqattgħu.

Meringue li ma togħlix:
Il-meringues ma jogħlewx u ma jinfirxux fil-forn għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija li z-zokkor ikun ġie miżjud malajr wisq mal-abjad tal-bajd u għalhekk ma ġietx inkorporata arja insuffiċjenti. Meta tħallat il-meringue tiegħek, żid iz-zokkor mgħarfa, mgħarfa, u għodd sa għaxra bejn kull waħda. Huwa wkoll faċli li titlef l-arja b’vizzju ħażin li ħafna koki għandhom, dan hu li ttektek il-whisk fuq il-ġenb tal-iskutella biex tferra’ t-taħlita fil-kontenitur. Uża spatula minflok, ħalli ma jkollokx din il-problema..

Għaġin artab u msajjar wisq:
Ikollok bżonn borma kbira tat-tisjir biex issajjar l-għaġin fiha, l-akbar li għandek, jew ma jkollux spazju biex jagħli individwalment. U dan jista ‘jagħmlu ‘mushy’. Roxx melħ fl-ilma b’mod ġeneruż u kun żgur li l-ilma qed jagħli b’mod qawwi qabel ma żżid l-għaġin. U ovvjament, kun żgur li ma ssajrux iżżejjed. Minuta jew tnejn taħt il-ħin suġġerit fuq il-pakkett normalment jagħtuk għaġin al dente perfett.

L-ikel dejjem jeħel mat-taġen:
Hemm ftit għażliet biex tipprova ssolviha din. It-taġen huwa sħun biżżejjed? Hemm biżżejjed żejt? It-taġen huwa mimli żżejjed?
Bil-laħam tiġri spiss din. Meta ssajjar il-laħam, agħmel dan f’lottijiet sabiex it-temperatura tat-taġen ma tonqosx. Il-laħam jista’ jinqeleb biss ladarba jkun sar kannella. Allura titħajjarx tqelbu qabel għax jeħel żgur. Xi twaġen, bħal dawk tal-aluminju, jeħlu agħar minn oħrajn, għalhekk jista’ jkun jeħtieġ li tinvesti f’taġen ta’ kwalità tajba.

Zokkor kristallizzat fil-karamella:
Iz-zokkor jikkristallizza f’ċapep li huma iebsa, u dan iwaqqaf il-karamella mill tiġi sabiħa. Għandu tendenza li jiġri meta l-ilma jiġi miżjud maz-zokkor, li xorta waħda mhuwiex meħtieġ. Il-trick huwa li ssaħħan iz-zokkor bil-mod waħdu, ċaqlaq (shake) it-taġen il-ħin kollu biex idub indaqs. Dan jista’ jiġri wkoll jekk tħawwadha, għalhekk ibqa’ ċaqlaq it-taġen, aktar milli ħawwad. Xi drabi, hija sempliċi xorti ħażina, iżda dan m’għandux jiġri jekk issegwi dawn il-pariri.

Iċ-ċikkulata tiġi ċapep meta tinħall:
Jekk iċ-ċikkulata mdewba tiegħek ġiet ċapep, ngħidu li qabdet, f’termini kulinari. Dan minħabba li ċ-ċikkulata saħnet iżżejjed, jew xi ftit mill-ilma tal-kazzola ta’ taħt tela fiċ-ċikkulata, jew l-ilma ta’ taħt huwa sħun wisq. Biex tevita dan, l-ilma taħt l-iskutella m’għandux imissha, u għandu jinżamm itektek bil-mod. Għandek bżonn ftit paċenzja biex ikollok l-aħjar riżultat.

Iċ-chips jew wedges moħmija fil-forn jiġu rotob u niedja:
Dawn huma l-aqwa suġġerimenti għal chips/wedges fil-forn magħmul fid-dar. Xarrab il-patata f’ilma kiesaħ għal 30 minuta biex teħles mil-lamtu żejjed, u dan jagħti riżultat aktar niexef u jqarmeċ. Imbagħad nixxifhom sewwa f’sarvetta nadifa. Itfagħhom fiż-żejt fi skutella, u ħawwad sew. Qiegħed fuq folja kbira tal-ħami mingħajr ma tagħmel iżżejjed, imbagħad aħmi f’forn jaħraq, madwar 180°C.

Laħam u tiġieġ jiġi xott wisq:
Qatgħat dgħif tal-laħam, bħal sider tat-tiġieġ, fihom ftit xaħam, għalhekk jinxfu malajr. Ipprova geżwirhom fil-bejken għaliex tagħmel differenza. Laħam xott jista’ jkun ikkawżat ukoll minn tisjir żejjed, għalhekk investi f’termometru tal-laħam. It-temperatura tal-forn tista’ wkoll tkun għolja wisq. Biex tgħin f’dan, ixtri l-aħjar kwalità ta’ laħam b’ammont tajjeb ta’ xaħam.

Żidt wisq melħ:
Tkellimna dwar l-importanza li tuża l-melħ fit-tisjir tiegħek, iżda kultant, tista’ tkun tfajt wisq. Jekk jiġri hekk, mhux bilfors kollox mitluf. Tista’ żżid aċidu bħal meraq tal-lumi jew ħall biex inaqqas il-melħ. Jew iżżid aktar likwidu bla melħ bħal ilma jew stokk b’livell baxx ta’ sodju. Trick ieħor huwa li tqaxxar u taħsel patata kbira, u żidha mal-borma għal ftit minuti. Ħallih jagħli, u mbagħad neħħiha, u għanda tkun assorbit xi ftit jew wisq mill-melħ żejjed.

