Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-kantanta Celine Agius esprimiet il-ħsibijiet tagħha dwar kwistjoni li fl-opinjoni tagħha mhijiex ġusta għal bosta kantanti.
Fil-post tagħha, Celine qalet li rċeviet stedina biex tattendi għal kunċert, li skont hi, hi u ħafna artisti oħrajn ma kellhomx idea li kien se jsir.
Il-kunċert li qed tirreferi għalih Celine huwa dak li se jtella’ l-kantant Sam Ryder f’Malta, f’Lulju li ġej, u li għalih se jiġi akkumpanjat minn diversi artisti lokali fosthom Destiny, Kurt Calleja, Red Electrick u Ryan Hili.
Celine qalet li hi personali tissapportja lill-artisti lokali li se jkunu qed jieħdu sehem f’dan il-kunċert, bħal ma dejjem għamlet u se tibqa’ tagħmel. Żiedet tgħid li għandhom talent kbir u li ħaqqhom dan u aktar.
Madankollu, hija stqarret li tħossha diżgustata li kważi kull xahar, hi u artisti oħra jiġu mistiedna għal dawn il-kunċerti u qatt ma jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fl-ebda minnhom.
Il-kantanta qalet li ilha żmien twil titkellem dwar l-inġustizzja fl-industrija tal-mużika lokali u sostniet li se tibqa’ timbotta din l-aġenda, ladarba l-awtoritajiet dejjem traskuraw l-integrità u r-rilevanza tal-artisti u saħansitra qalet li jittrattaw lill-artisti lokali agħar minn laned taż-żibel.
“Hija ħaġa sabiħa li tara lil dawn l-artisti jieħdu sehem f’kunċert daqshekk kbir għax iva, għandhom talent u m’hemm l-ebda kwistjoni dwar dan. Madankollu, nistaqsi, hemm xi ċans li artisti lokali oħra jieħdu sehem f’dawn il-kunċerti? Għaliex dejjem l-istess artisti jieħdu sehem f’kunċert wara l-ieħor? Għaliex f’Malta biss ma jsirux auditions biex tieħu sehem f’kunċert? Għaliex trid tirbaħ X Factor biss jew tkun l-id il-leminija tal-awtoritajiet biex tielu sehem it-f’dawn it-tip ta’ prestazzjonijiet?”
Celine Agius
Celine saħqet li hemm ħafna artisti li għandhom talent, jixxennqu għal xi ħadd biex jittrattahom b’rispett, biex xi ħadd jimbuttahom ‘il quddiem.
Hija temmen li ħafna artisti oħra jaħsbuha bħalha iżda ma jitkellmux fil-pubbliku. Saħqet li inutli li l-artisti jgergru flimkien dwar il-kwistjoni u ma jitkellmux dwarha pubblikament.
Fl-opinjoni tagħha, huwa għalhekk li l-arti f’Malta qatt ma tista’ titjieb għax ħafna artisti jibżgħu jitkellmu u ma jagħmlu xejn dwar il-kwistjoni minflok jingħaqdu flimkien u jsemmgħu leħinhom. “It-tgergir mingħajr forza huwa inutli u l-bidla qatt ma tista’ ssir. Persuna waħda waħedha ma tistax tagħmel bidla.”
Celine ikkonkludiet il-post tagħha bi kwotazzjoni ta’ Correy Taylor, imma qabel, qalet li dak kollu li nbidel u li qed ngawdu llum huwa frott ta’ dawk ta’ qabilna, li ngħaqdu flimkien u bidlu xi ħaġa.
“L-affarijiet ħżiena jiġru meta nies tajbin jippretendu li xejn mhu ħażin” – Correy Taylor

