Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li ssospenda l-liċenzja ta’ childcare centre immexxi minn koppja li ġiet arrestata fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni għall-prostituzzjoni kif ukoll li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn.

Permezz ta’ mandat, il-pulizija daħlet fil-post fejn qed jiġi allegat li kien qed jitmexxa burdell, sabet tliet nisa barranin, li ġew arrestati, u lir-raġel, Duncan Caruana, li allegatament kien qed jieħu ħsieb il-flus.

Skont l-investigazzjoni tal-pulizija, tnejn mit-tliet nisa, li huma mill-Amerika t’Isfel, ġew Malta bit-tir li jaqilgħu l-flus mill-prostituzzjoni iżda t-tielet mara ġiet ittraffikata. Minħabba din ir-raġuni, ma nħarġet l-ebda akkuża kontriha.

Il-mara, Francesca Caruana, kienet involuta wkoll fin-negozju billi allegatament kienet tagħmel l-appuntamenti u tavża lin-nisa xħin għandhom jiftħu l-bieb lill-klijenti.

Allegatament, il-klijenti tal-burdell kienu jħallsu €50 għal servizzi ta’ nofsiegħa u €100 għal siegħa.

It-tnejn li huma ċaħdu kull akkuża miġjuba kontrihom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks