Nitkellmu ma’ Kurt Calleja
Kurt, kif tħossok bir-rispons tant qawwi li għadek tirċievi dwar il-kanzunetta Bla Tarf, anki wara li għaddew ġimgħat minn mindu ġiet ikklassifikata bħala l-kanzunetta rebbieħa fit-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika?
Onestament, ninsab veru mċekken quddiem l-imħabba li baqgħet tirċievi d-diska Bla Tarf. Minkejja li d-diska veru emmint fiha minn xħin ktibtha, qatt ma stennejt dan it-tip ta’ rispons u ta’ dan dejjem nibqa’ grat u saqajja mal-art.
X’għadda minn moħħok dak il-mument li ġejt ikkonfermat rebbieħ?
Għal mument ħsibt li kont qed noħlom u f’xi ħin ħa jdoqq l-iżveljarin u nqum u nirrealizza li għadu lanqas biss wasal Mużika Mużika. Meta nħares lura lejn il-vjaġġ tad-diska Bla Tarf u niftakar minn fejn telqet u mbagħad f’daqqa waħda bdejt nara n-nies ikantawha miegħi verament tkompli tikkonferma s-saħħa li għandha fuqna l-mużika, speċjalment issa li erġajna qiegħdin napprezzaw r-rikezza tal-lingwa sabiħa tagħna l-Maltin, inħossni verament ixxurtjat li l-Maltin laqgħu Bla Tarf f’qalbhom.
Xi tfisser din ir-rebħa għalik?
Onestament – għalkemm ħadd ma jemminni meta ngħid hekk, jien ma kienx l-iskop tiegħi li nirbaħ. Għalija ma kienx importanti li jien nirbaħ trofew iżda li Bla Tarf tirbaħ il-qlub tal-Maltin.
Meta kont qiegħed id-dar s-sena l-oħra fit-tieni lockdown u kont qed narah ma’ sħabi, bqajt verament mistgħaġeb bil-livell straordinarju ta’ dan il-festival u wara sentejn Covid fejn tista’ tgħid ma kellniex avvenimenti fejn nistgħu niċċelebraw Il-mużika, kelli xewqa li nkun fuq stage sabiħ bl-orchestra u nkanta diska li tirrappreżenta fejn ninsab jien mużikalment, illum li għandi 33 sena visa vi l-Kurt Calleja li jiftakru ħafna nies bid-diska This Is The Night 10 snin ilu. L-iskop tiegħi kien li nieħu gost, nagħti gost.

Lil min għażilt li tiddedika din ir-rebħa?
Id-diska hija miktuba għal koppja li ltaqgħu fl-agħar episodju ta’ ħajjithom u minkejja kull sofferenza fiżika, mentali u spiritwali li għaddew minnha – din għamluha flimkien. L-istorja tagħhom saħħritni mill-ewwel ġurnata li smajtha u allura ddedikajt ir-rebħa lil kull min hu għaddej minn żmien iebes. Għandek tkun taf li dan huwa żmien li jgħaddi, jekk timpenja ruħek u taħdem għalih. Jekk waħdek tibża li taqta’ qalbek, fittex l-għajnuna, imma agħmel xi ħaġa, żgħira kemm hi żgħira, KULJUM, biex illum tkun aħjar mill-bieraħ.
X’inhi d-definizzjoni ta’ mħabba għalik?
Hemm ħafna tipi differenti ta’ mħabba u livelli ta’ mħabba, biss għalija l-imħabba vera tfisser li int tkun verament tieħu pjaċir u tixtieq il-ġid lill-persuna/i li int tħobb, anke meta f’sitwazzjonijiet li forsi l-ġid tagħhom ikun ta’ detriment għalik. Imħabba bla tarf hekk tfisser, li int lest li saħansitra tagħti ħajtek biex il-persuna li int veru tħobb tkun protetta u f’saħħitha.

Mill-ewwel darba li nstemgħet il-kanzunetta ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku. Kont qed tistenna li se jkollok rispons daqstant qawwi?
Onestament, mill-ewwel emmint fiha d-diska. Jien nikteb ħafna diski biss ma nsemmagħhom lil ħadd għax mhux dejjem ikunu tal-livell li nkun nixtieq. Bla Tarf kienet kompletament il-kontra, ktibtha verament fi ftit ħin u aktar ma bdejt nismagħha aktar bdejt insir inħobbha. Emmint verament li d-diska kienet se tintlaqa’ tajjeb, però mhux f’dan il-livell. L-imħabba li rċeviet id-diska Bla Tarf għadu jissorprendini sal-lum.
Liema kanzunetta mill-finalisti ħalliet l-iktar impatt fuqek?
Tkun ‘l Hawn Għaddi ta’ Kantera. Apparti li d-diska veru togħġobni u veru tirrappreżenta l-ħajja tagħna l-Maltin; fis-semifinali u kemm fil-finali kienet qed tiġi kantata ftit diski qabel kont nitla’ jien u allura fejn jien is-soltu fuq il-palk nieħu pjaċir naqbeż u nogħla u nagħmel party – fid-diska Bla Tarf kelli nkun aktar dixxiplinat minħabba l-fatt li d-diska hija aktar intima, u grazzi għal Kantera stajt noqgħod nieħu buzz backstage u neħles min-nervi li jkolli qabel nitla’ fuq il-palk.
Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-Festival Mużika Mużika? U xi jfisser li tkun parti minn festival bħal dan?
Il-Maltin għandna espressjoni: “Bħal ta’ barra!” u fejn is-soltu nwaqqgħu lilna nfusna għaċ-ċajt u ngħidu li ma nistgħux inkunu “bħal ta’ barra”, dan il-festival verament wera li din il-limitazzjoni qiegħda biss f’moħħna. Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandna nies professjonali li jridu jagħtu s-saħħa lil arti Maltija u din timlini b’kuraġġ, u bħali mużiċisti u kantanti oħrajn, li dan is-settur huwa fil-fatt settur viabbli, li tista’ taqla’ l-ħobża tiegħek minnu u mhuwiex biss passatemp.
X’sibt l-iktar ta’ sfida f’dan il-vjaġġ?
Jien moħħi jiġri bija, meta nkun ispirat nibda nimmaġina ħafna affarijiet bhal x’nista’ nagħmel fuq l-istage u effetti u ħwejjeġ eċċ. Biss il-parir mit-tim tiegħi kien li nkun il-Kurt is-sempliċi; il-Kurt li jħobb ikanta u jieħu pjaċir bil-mużika; il-Kurt li verament qiegħed japprezza l-opportunità li għandu hawnhekk quddiemu u allura meta bdejna niddiskutu bdejt insibha iebsa biex nadatta mal-kunċett li “Less Is More”, però t-tim tiegħi kellu raġun.
Ġratlek xi praspura jew mument partikolari relatata mal-vjaġġ tiegħek f’Mużika Mużika?
Waqt wieħed mill-programmi li kienu qed isiru bi tħejjija għall-festival innifsu, il-parteċipanti konna mistednin nieħdu sehem f’attivitajiet kulturali Maltin u Għawdxin u peress li jien kok, qaluli biex nagħmel il-ftira Għawdxija. Li ma kinux jafu huwa li għalkemm għandi passjoni kbira għall-ikel u mħabba speċjali għat-tisjir u l-kreattività f’dan il-qasam, jien m’iniex tajjeb bl-għaġina u l-ħelu. U avolja l-għaġina kienet lesta u kull ma kelli nagħmel huwa li niftaħha u nimliha, meta tfajniha fil-forn tiegħi inqasmet u ridt l-art tiblagħni.

Tħoss li l-lingwa Maltija hija apprezzata biżżejjed?
Biżżejjed qatt, imma kuljum daqsxejn aħjar mill-bieraħ.
Taħseb li hemm bżonn li jsiru aktar inizjattivi li joffru pjattaforma għall-mużika bil-lingwa Maltija?
Jien inhoss li r-radjiet u t-televiżjoni, pjattaformi ta’ midja soċjali flimkien mal-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jieħdu impenn sabiex il-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-kompożituri, awturi u artisti Maltin ikunu mħarsa sew. Ħafna drabi persuna f’dan il-qasam jonfoq ħafna flus minn butu stess biex joħloq xi ħaġa ta’ livell u wisq ikun hemm drabi li dan il-proġett jingħata l-ġenb.
X’inhu l-pass li jmiss fil-karriera mużikali tiegħek?
Bħalissa qed niddiskutu diversi kollaborazzjonijiet ma’ artisti oħrajn, kemm bil-lingwa Maltija u kemm b’lingwi oħra. Qed nippjanaw kunċert b’diversi mistiedna u anka li fl-aħħar inkun nista’ nniedi l-album li ili naħdem fuqu kwazi 3 snin.

Direttriċi u Editriċi