Il-European Broadcasting Union (EBU) ħabbret li r-rebbieħa tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, l-Ukrajna, mhix se tkun qed tospita l-konkors fl-2023 u minflok se jiġi offrut lir-Renju Unit.
Hija tradizzjoni li r-rebbieħ tas-sena preċedenti jospita l-avveniment li jmiss, iżda l-EBU qalet li valutazzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà ddeterminat li mhux se tkun fattibbli għall-Ukrajna minħabba l-gwerra li għaddejja fil-pajjiż.
Il-grupp folk-rap tal-Ukrajna, Kalush Orchestra, rebaħ il-Eurovision ta’ din is-sena f’Mejju li għadda li sar f’Turin, l-Italja. Il-kanzunetta tal-band, “Stefania”, miktuba dwar omm il-frontman, rebħet il-kompetizzjoni wara battalja mar-Renju Unit u Spanja li kienu qed jiġġieldu għall-ewwel post.
L-avveniment immarka l-ewwel avveniment kulturali kbir li l-Ukreni ħadu sehem fih minn meta r-Russja invadiet il-pajjiż fi Frar, u ħafna mill-udjenza xejru l-bandiera nazzjonali blu u safra tal-Ukrajna matul is-serata.
L-EBU esprimiet id-dispjaċir u d-diżappunt li l-konkors tas-sena d-dieħla ma jistax isir fl-Ukrajna filwaqt li żiedet tgħid li issa se tibda diskussjonijiet mal-BBC biex potenzjalment tospita l-konkors tal-2023 fir-Renju Unit, bħala l-pajjiż li kklassifika fit-tieni post.
“Hija l-intenzjoni tagħna li r-rebħa tal-Ukrajna tkun riflessa fl-ispettakli tas-sena d-dieħla. Din se tkun prijorità għalina fid-diskussjonijiet tagħna mal-ospitanti eventwali,” temmet tgħid l-istqarrija.
