Select Page

Dan il-jum, bħal kull okkażjoni sinifikanti oħra, iqanqal diversi sentimenti għal kull individwu, kemm pożittivi kif ukoll negattivi.

Fl-ewwel Jum il-Missier tiegħu, Clive Piscopo qasam esperjenza personali li għaddew minnha hu u l-mara tiegħu Claire, iżda mill-perspettiva ta’ missier.

Din is-sena, Clive iħossu fortunat li mhux biss, bħal ma għamel matul dawn l-aħħar 38 sena, qed jiċċelebra lil missieru imma wkoll, flimkien ma’ missieru qed jiċċelebra dan il-jum bħala missier.

Filwaqt li għal Clive, din hija okkażjoni perfetta biex juri l-gratitudni tiegħu lejn missieru u dak kollu li għamel miegħu u għall-familja tagħhom, huwa wkoll mument opportun biex jirrifletti fuq x’tip ta’ missier jista’ jkun hu.

Huwa qal li fil-fond ta’ qalbu jixtieq li jkun papà tajjeb għat-tifla tagħhom, Nora, u li ssir tħobbu mqar nofs dak li hu jħobb lil missieru, iżda fuq kollox, ix-xewqa ta’ Clive hija li jkun kapaċi jrabbi tifla b’qalbha tajba f’dinja li taf tkun vera krudili.

Clive u Claire semmew lit-tifla tagħhom, Nora, għaliex l-isem ifisser dawl. Huwa stqarr li ta’ kuljum, iħares lejn bintu u jittama li tkun dawl f’mumenti mudlama.

Minkejja li Clive ftit li xejn jaqsam mill-ħajja personali tiegħu fil-pubbliku, f’dan il-jum qasam ftit min-niket u l-uġigħ li għaddew minnu hu u Claire, iżda fuq kollox hu bħala missier, bit-tama li jkun ta’ konsolazzjoni, imqar għal persuna waħda.

Sena ilu, Clive u Claire tilfu tarbija, li għalkemm kienu għadhom ma ltaqgħux magħha, kienu qed jistennewha bi ħġarhom. Clive spjega kemm kien diffiċli għalih lI l-għada li tilfu t-tarbija kellu joħroġ għax-xogħol b’mod normali u jipprova jitbissem bħas-soltu minħabba li kienu jafu biss ftit nies minn xiex kienu għaddejjin.

Clive qal li dawn ix-xhur għenuh jifhem ftit aktar il-weġgħa ta’ missirijiet li tilfu lil uliedhom, ta’ missirijiet li uliedhom ma jkellmuhomx u ta’ dawk l-irġiel li jixtiequ ħafna li jsiru missirijiet.

“Tgħallimt bl-esperjenza li l-qalb ta’ missier tħoss ukoll. U tħoss ħafna. U mhix imħabba sekondarja jew inqas minn tal-omm. Il-qalb ta’ missier tħobb kif taf hi u b’kemm għandha saħħa.”

Clive Piscopo

Sfortunatament, sal-lum għadna ngħixu f’soċjetà fejn l-irġiel għadhom ma jħassuhomx daqshekk liberi u komdi li jitkellmu dwar esperjenzi u emozzjonijiet li jgħaddu minnhom fi żminijiet diffiċli.

Waqt li kien għaddej minn din l-esperjenza tant diffiċli, Clive irrealizza li ma kienx jaf raġel wieħed li għadda mill-istess esperjenza, ma kien sema’ qatt raġel jitkellem fuq miscarriage.

“Ma kontx naf fuq min nista’ ndur biex nistaqsih jekk hux normali li filli mingħalik li tkun sew u f’sekonda tkun trid tibki. Donnu aħna l-irġiel ma nitkellmux fuqhom dawn l-affarijiet. Mhux għax, kif forsi nagħtu l-impressjoni, ma nħossux. Imma għax is-soċjetà m’għalmitniex nitkellmu fuqhom. Kienu jgħidulna biex ma nibkux biex ma nkunux sissy. Li l-emozzjonijiet tan-nisa. Li raġel irid ikun b’saħħtu, bil-muskoli, ma jibża minn xejn, xejn ma jista’ għalih, u l-kumplament.”

Clive Piscopo

Clive qal li llum li sar missier, ma jridx li lit-tifla tiegħu jgħallimha hekk. Iħoss li għandu jgħallimha li missier huwa bniedem tad-demm u l-laħam li hu wkoll iħoss ħafna, u forsi xi kultant, bħal kulħadd, anki hu jaqta’ qalbu, imma mbagħad, għax iħobb, jagħmel l-aħjar li jista’.

“Għalhekk, fl-ewwel Jum il-Missier tiegħi, nixtieq nagħti viżibilità speċjali lil dawn l-irġiel u missirijiet li batew u jbatu fis-skiet. M’intomx waħedkom. U jekk tafu lil xi ħadd li għadda minn esperjenza simili, illum għidilhom: M’intomx waħedkom. Forsi dan huwa l-ewwel eżempju li nista’ nagħti lil binti.”

Clive Piscopo

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks