Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa żvelat każ ta’ mara Amerikana li allegatament tinsab f’riskju li tmut minħabba li t-tobba ma jridux iwaqqfu t-tqala.

Il-mara, li tinsab fuq btala f’Malta, għandha 16-il ġimgħa tqala daħlet l-emerġenza fl-isptar ta’ Għawdex fejn minn hemm ittieħdet l-isptar Mater Dei wara li sofriet dak li deher bħala korriment, fejn esperjenzat ħafna demm. Ultrasound wera li kien infaqalha l-ilma u s-sekonda bdiet tinqala’ minn postha. Madankollu, l-fetu għad għandu qalbu tħabbat.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa qalet li skont il-linji gwida internazzjonali, f’każijiet bħal dawn fejn il-fetu għadu mhux vijabbli (qabel 24 ġimgħa), għandha tiġi offruta t-terminazzjoni tat-tqala (jiġifieri: abort) biex jiġi evitat ir-riskju ta’ infezzjoni u mewt tal-mara. Dan għaliex l-infezzjoni tista’ tgħaddi għall-utru, imbagħad tivvalena d-demm tal-mara u twassal għall-mewt.

Skont il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, il-pazjenta talbet li t-tqala tagħha tiġi terminata, iżda t-talba tagħha ġiet miċħuda u qalulha li t-tobba jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti. Qalulha wkoll li t-tobba lanqas biss jistgħu jiddiskutu magħha l-għażla li tagħmel abort.

Il-Fondazzjoni qalet li l-pazjenta issa qed tiġi mġiegħla tistenna f’Mater Dei, b’ħajjitha f’riskju. Żiedet tgħid ukoll li qed tiġi ppjanata evakwazzjoni medika lejn ir-Renju Unit iżda din tista’ ma tasalx fil-ħin.

Il-familja jridu li l-istorja tagħhom issir pubblika bit-tama li tiġi evitata traġedja.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa qalet li tittama li s-sens komun jirbaħ u din il-mara titħalla jkollha terminazzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Qalet ukoll li jafu b’nisa Maltin li kienu f’sitwazzjonijiet simili imma beżgħu jitkellmu.

Qed nagħmlu din l-istorja diffiċli pubblika fuq talba tal-pazjenta u s-sieħeb tagħha, li kienu f’kuntatt magħna matul…

Posted by Women’s Rights Foundation on Tuesday, June 21, 2022

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks