L-attur u kummidjant Bill Cosby instab ħati li aggredixxa sesswalment mara fil-Playboy Mansion fl-1975 meta kienet adolexxenti.

Waqt il-ġuri tal-kawża ċivili kontrih, Judy Huth ingħatat €476,213 f’danni għal tbatija emozzjonali.

Id-deċiżjoni hija telfa legali kbira għall-attur ta’ 84 sena li xi darba kien magħruf bħala “America’s Dad”.

L-attur kien serva aktar minn sentejn ta’ sentenza ta’ bejn tlieta u għaxar snin.

Judy Huth kienet qalet lill-qorti ċivili ta’ Santa Monica f’Los Angeles li Cosby stieden lilha u lil ħabiba tagħha fil-Playboy Mansion meta hi kellha 16-il sena, u hu kellu 37 sena, u ġiegħelha twettaq att sesswali.

Hija qalet li snin wara l-inċident, sofriet ħafna meta diversi allegazzjonijiet kontra Cosby minn nisa oħra qanqlulha memorji ta’ dak il-jum.

Waqt li tkellmet barra l-qorti wara s-sentenza, Huth qalet li din hija rebħa kbira, mhux għaliha biss imma għall-vittmi kollha.

Cosby, li ma deherx personalment waqt il-ġuri, ċaħad l-allegazzjoni.

F’xhieda permezz ta’ vidjow murija lill-ġurati, Cosby qal li ma jiftakarx lil Huth. Iżda qal li l-inċident ma setax iseħħ għax dak iż-żmien ma kellu l-ebda kuntatt sesswali ma’ xi ħadd li kellu taħt it-18-il sena.

Meta l-kawża ġiet ippreżentata f’Diċembru 2014, Huth, li llum għandha 64 sena, qalet li l-inċident seħħ fl-1974, meta kellha 15-il sena. Hija qalet lill-ġurati li reċentement ikkonkludiet li kienet żbaljata dwar is-sena u li dak li ġara seħħ fl-1975.

Il-karriera ta’ Cosby fl-industrija tad-divertiment damet għaddejja 50 sena.

Huwa magħruf l-aktar għar-rwol tiegħu bħala r-raġel u missier maħbub fis-serje kummiedja televiżiva tas-snin tmenin The Cosby Show.

Mill-2005 ‘l hawn, aktar minn 50 mara resqu biex jakkużaw lil Cosby b’attakk sesswali. Wara li nstab ħati li aggredixxa lil Andrea Constand f’Philadelphia, Cosby serva ftit inqas minn tliet snin f’ħabs tal-istat ta’ Pennsylvania qabel ma l-kundanna tiegħu ġiet invalidata fl-appell. Huwa nħeles mill-ħabs f’Settembru tal-2021.

Cosby kien l-ewwel personalità famuża li ġiet imfittxija u kkundannata fl-era #MeToo.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks