Il-familja ta’ Nicholas Camilleri, li nstab mejjet nhar it-Tlieta f’Għajn Tuffieħa wara li kien ġie rrappurtat nieqes mill-Ġimgħa, qalu li huwa vittma ta’ sistema ta’ saħħa mentali li falliet, aktar minn darba.

Martu u uliedu jsostnu li ħadd ma kien infurmahom li Nicholas kien nieqes u li saru jafu dan minn Facebook.

Huma esprimew ukoll id-diżappunt tagħhom dwar il-ħidma tal-pulizija fit-tfittxija, għaliex minbarra li huma jsostnu li ma ngħataw l-ebda dettalji dwar x’kien qed jiġri, kien proprju t-tifel tiegħu Daniel li sab lil Nicholas mejjet wara li hu u ħuh marru jippruvaw isibu lil missierhom fil-viċinanzi ta’ fejn instab.

F’intervisti li għamlet il-familja tiegħu ma’ The Times of Malta u lil The Malta Independent qalet li 18-il sena ilu Nicholas Camilleri ġie dijanjostikat bi skiżofrenija. Huma rrakkuntataw kif għal tliet snin, għaddew minn żminijiet diffiċli minħabba li Nicholas beda jesperjenza episodji ta’ paranojja u kien ibati wkoll minn alluċinazzjonijiet.

Il-mara ta’ Nicholas, Rita, u wieħed mit-tfal tiegħu, Daniel, qalu li f’dawn l-episodji huwa kien jakkuża lil martu li għandha relazzjonijiet ma’ rġiel oħra u li qed tipprova teħles minnu. Huwa kien ukoll beda proċeduri ta’ separazzjoni matul dawk is-snin u sar aggressiv.

Wara li ddaħħal għat-tieni darba l-isptar Monte Karmeli, psikjatra poġġieh fuq medikazzjoni antipsikotika. Dik il-medikazzjoni kienet tikkonsisti li kull xahar kien imur biex jieħu injezzjoni.

Minkejja li skont il-familja tiegħu, Nicholas qatt m’aċċetta li kellu diffikultajiet ta’ saħħa mentali u ħafna drabi kien jirrifjuta li jmur għat-terapija, għall-injezzjoni kien imur kull xahar u qatt ma tilef waħda.

Huma spjegaw li hekk kif Nicholas irrisponda tajjeb ħafna għall din il-medikazzjoni kif ukoll medikazzjoni oħra li kien qed jieħu kuljum, is-sitwazzjoni, anke għalihom bħala familja, marret għall-aħjar.

Kien proprju s-sena l-oħra li bdew josservaw tibdiliet fl-imġiba tiegħu sakemm is-sitwazzjoni reġgħet marret għall-agħar. Il-mara ta’ Nicholas qalet li fil-11 ta’ Jannar irċeviet telefonata miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla fejn infurmawna li kien mar hemm u beda jgħidilhom li kienet qed tħawwadlu fil-pirmli.

Huma jsostnu li kien proprju dakinhar li saru jafu li l-psikjatra fiċ-ċentru tas-saħħa kien waqqaflu l-medikazzjoni xi xhur qabel.

Ma’ The Times of Malta huma rrakkuntaw ukoll kif fl-istess ġimgħa, Nicholas sakkar lil martu fil-garaxx hekk kif waslet lura mix-xogħol fejn attakkaha. Għalkemm iż-żewġ uliedhom irnexxielhom jidħlu u jwaqqfuh, l-attakk ikkawżalha ġrieħi tant li spiċċat l-isptar.

Kawża ta’ dan, Nicholas tressaq il-Qorti fuq akkuża ta’ attentat ta’ qtil, li għaliha huwa wieġeb li mhux ħati.

Wara li għamel xi żmien fis-sala forensika ta’ Monte Karmeli huwa ġie trasferit fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u eventwalment ingħata l-libertà proviżorja, bil-kundizzjoni li ma jgħix ma’ martu.

Hawn huma sostnew li mhux biss qatt ma kellu jintbagħat il-ħabs, u minflok jingħata l-għajnuna li kellu bżonn, imma kellu wkoll jiġi osservat wara li joħroġ, għaliex skont huma, ma kienx qed jiġi segwit u lanqas kien qed jgħix f’ambjent tajjeb.

Martu Rita esprimiet ukoll id-dispjaċir tagħha għall-kummenti li qed jingħaddu fuq il-midja soċjali dwarha minħabba l-aħħar post li Nicholas kiteb fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fost oħrajn qal li huwa vittma ta’ vjolenza domestika.

Il-mara qalet li l-kuxjenza tagħha hija safja u li għamlet minn kollox biex tgħin lil żewġha. Żiedet tgħid li hi lanqas tgħid li ħafritlu għaliex ma tħossx li għandha x’taħfirlu minħabba li l-imġiba tiegħu ma kinitx tar-raġel li kienet taf u tħobb hi, iżda kkawżata mid-diffikultajiet li kien għaddej minnhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks