Andrea, il-mara Amerikana li t-talba tagħha biex ittemm it-tqala li mhix vijabbli tagħha ġiet miċħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin minkejja li skont il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, kienet tinsab f’riskju, ittieħdet Spanja, fejn hemmhekk it-tobba jkunu jistgħu jtemmu t-tqala tagħha.
Il-mara, li għandha 16-il ġimgħa tqala, iddaħlet l-isptar Mater Dei ġimgħa ilu wara li l-ilma nfaqalha qabel iż-żmien u esperjenzat ħafna demm.
Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa rrappurtat li minkejja dan, it-tobba ċaħdu t-talba tagħha u qalulha li jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti.
Għalhekk, il-koppja, li kienu fuq btala f’Malta, ħassew li l-unika soluzzjoni li hija li jippruvaw imorru f’pajjiż ieħor biex issir il-proċedura meħtieġa.
Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li għandu projbizzjoni totali fuq l-abort f’kull ċirkostanza.
