Għall-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, kif joqrob is-sajf jibda t-tħassib. Speċjalment għal dawk il-ġenituri li jridu jkomplu bir-rutina tax-xogħol tagħhom. Tħassib fuq x’servizzi jeżistu u fejn jistgħu jibagħtu lit-tfal tagħhom biex iqattgħu l-ħin matul il-ġimgħa, jieħdu pjaċir, jitgħallmu u jħossuhom parti mill-komunità bħat-tfal l-oħra.

Dwar dan tkellimna ma’ Justine Grima, omm ta’ żewġt itfal li għandhom l-awtiżmu.

Justine qaltilna li tfal bl-awtiżmu jkollhom bżonn li jżommu ċerta rutina u struttura fil-ġurnata tagħhom, u servizz fejn il-bżonnijiet tagħhom jiġu milqugħa. Sfortunament l-għażliet ta’ faċilitajiet li huma adattati għall-bżonnijiet ta’ tfal bl-awtiżmu mhumiex ħafna u mhumiex konvenjenti għal kulħadd.

“Bħat-tfal kollha hemm is-servizz ta’ SkolaSajf tal-gvern li huwa servizz pjuttost affordabbli (€25 mal-applikazzjoni) u bħala skola tista’ tagħżel fil-lokalità tiegħek li jaf tkun ta’ konvenjenza għal dak li jkun. Għalkemm SkolaSajf hija għat-tfal kolla, għal dawk it-tfal bi bżonn ta ‘shared’ LSE m’hemmx garanzija li t-tfal se jibbenefikaw minn dan is-servizz fi SkolaSajf għax jiddependi skont kemm japplikaw ħaddiema, kemm ikun hemm każijiet bi bzonn ta’ LSE eċċ.

Mill-banda l-oħra, tfal li jikkwalifikaw għall-beneficcju ta’ one-to-one LSE, jingħataw Child Support Worker individwali. Però mhux dejjem huwa l-każ li l-CSW tkun persuna kwalifikata specjalment fejn jidħlu certi abbiltajiet differenti. Ħafna mil-CSW ikunu studenti li għadhom kif bdew jew qed jistudjaw fil-qasam tal-edukazzjoni u ġieli lanqas ikunu esperjenzati. U minħabba f’hekk, għall-genituri mhijiex ta’ serħan il-mohh meta japplikaw għal dan is-servizz.

Hemm ukoll skejjel privati li joffru s-servizz ta’ Skola għas-sajf u hemm minnhom adattati u huma bbażati direttament fuq il-bżonnijiet tat-tfal, anke bħala terapija. Il-vantaġġ ta’ dawn l-iskejjel huwa li huma mmexxijin minn nies professjonali fuq dan il-qasam u l-gruppi ta’ tfal ikunu limitati, sabiex ikunu jistgħu jagħtu tagħlim u attenzjoni individwali għal kull tifel u tifla. Però peress li l-gruppi jkunu limitati, mhux dejjem għandek garanzija li se ssib post, għax l-applikazzjonijiet jittieħdu mill-ewwel u m’hawnx biżżejjed għal kulħadd. Sfortunatament dawn is-servizzi mhumiex affordabbli għal kulhadd għax jiswew il-mijiet. U meta dawn il-ġenituri diġà jħallsu l-mijiet fuq terapiji oħra li huma bżonn għat-tfal, mhux dejjem tkun possibbli jew kwazi impossibli li l-ġenituri jaffordjaw iħallsu għal servizz ieħor apparti. Kien hawn fil-passat skema tal-gvern ma’ ċerti skejjel privati fejn kienu jingħataw rimborz fl-aħħar tas-sajf fuq l-ammont tas-somma totali li titħallas għall-iskejjel tas-sajf però għal min ma jkunx jaffordja jħallas minn qabel din hija inutli, u hemm inċertezza jekk din l-iskema għadhiex teżisti jew le.”

Fl-aħħar nett, Justine qaltilna li x-xewqa tal-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu hija li jkun hawn aktar opportunitajiet għal servizzi għal uliedhom li huma ta’ serħan tal-moħħ u affordabbli u adattati għal dawn it-tfal. Fejn ikollhom post sigur fejn imorru jieħdu pjaċir, jilagħbu, jagħmlu ħbieb, u jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks