Select Page

Għalkemm kienet għodwa xi ftit friska, Rita kienet qegħda tħoss l-għaraq ħiereġ minn ma’ ġbinha. L-eċċitament kien ħa kontroll fuqha u kienet qiegħda tħossha kważi tirtogħod. Ħarset lejn l-arloġġ li kienet libset f’idha l-leminija għall-okkażżjoni. Kien sar il-ħin!
Ħarset lejn it-triq.
Eżatt.
Preciz.
Deher profil ta’ raġel miexi fid-direzzjoni tagħha. Kien propju dak il-ħin li seħtet il-mument li ħalliet lil Dora, ħabibitha, tagħmlilha appuntament li skont hi kienu jgħidulu ‘appuntament fid-dlam’. Rita kienet għalqet kważi ħamsa u ħamsin sena u kienet tgħix waħedha. Meta kien għad għandha għoxrin sena kienet iżżewwġet lil Ġużi imma dak kien telaq u qatt ma kien reġa’ ġie lura. Forsi għax xejn ma kien jikkuntentah u kellu ħabta jgemgem fuq kollox. U iva kienet ghadha ġawhra dak iż-żmien u kienet ħelset minnu wkoll!
Irranġat il-libsa ssikkata li kienet libset u bdiet iżżebbeġ għajnejha mimlijin kulur iswed lejn dak ir-raġel pulit li kien waqaf quddiemha. Xufftejha kienu ħomor nar bit-tidlik li kienet delket u kellha fwieħa xxommha minn seba’ mili ‘l bogħod. Jeremy Gauci. Hekk kien jismu r-raġel tal-appuntament.
“Inti…?” waqaf jgħidilha.
“Iva jiena.” Ħatfitu. Kien perfett. Twil, mibni, xagħru kien għadu kollu hemm; nokkli nokkli, kien liebes libsa skura u f’idejh tax-xellug kellu bagalja.
“Fejn se mmorru?” staqsieha.
Bla ma qagħdet tistħi, qabditu la branzetta u ġibditu lejn il-ħanut tal-kafè fejn kienu jmorru sħabha l-oħra. Kienet taf li malli jarawha ma’ dan ir-ragel sbejjaħ, kienet se taqbadhom għira bażwija.
Daħlu fil-ħanut u poġġew bilqiegħda. Għamlet tabirruħa li ma ratx l-għajnejn iberrqu lejhom ta’ nies fitti tar-raħal li kien moħħhom f’salib ħaddiehor.
Ġie il-wejter.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks