Select Page

Mill-inqas 50 immigrant instabu mejta fi trakk f’San Antonio, Texas, f’dak li jidher li hu attentat ta’ traffikar uman tul il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Messiku, Marcelo Ebrard, qal nhar it-Tlieta li fost il-mejta ġew identifikati mill-inqas 22 ċittadin Messikan, sebgħa mill-Gwatemala u tnejn mill-Honduras

Skont rapporti, 16-il persuna ttieħdu l-isptar minħabba li kienu qed isofru minn heat stroke, eżawriment tas-sħana. Fosthom kien hemm erbgħa minuri.

It-trakk, li normalment jintuża biex iżomm temperatura kiesħa, la kien fih air conditioner u lanqas ilma.

Il-vettura nstabet ħdejn il-linji tal-ferrovija f’żona remota fil-periferija tan-Nofsinhar tal-belt.

Skont rapporti mill-midja lokali, ġew arrestati tliet persuni minħabba l-inċident.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden sejjaħ l-imwiet “tal-biża’ u ta’ qsim il-qalb”.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna kien qed imexxi l-investigazzjoni u “l-ewwel rapporti huma li din it-traġedja kienet ikkawżata minn kuntrabandisti jew traffikanti tal-bnedmin li ma jimpurtahomx mill-ħajjiet li jipperikolaw u jisfruttaw biex jagħmlu profitt,” qal fi stqarrija ftit wara li wasal fi Spanja fit-tieni waqfa ta’ vjaġġ fl-Ewropa

“L-isfruttament ta’ individwi vulnerabbli għall-profitt huwa tal-mistħija, kif inhi l-grandstanding politiku madwar it-traġedja,” qal Biden, u wiegħed li l-amministrazzjoni tiegħu se tkompli tagħmel “dak kollu possibbli” biex iwaqqaf il-kuntrabandisti u t-traffikar.

L-għadd ta’ migranti li qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku żdiedu sew minn meta Biden laħaq president.

It-traġedja tat-Tnejn tista’ tkun waħda mill-aktar inċidenti fatali ta’ traffikar uman tul il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku f’dawn l-aħħar deċennji.

Għaxar persuni mietu fl-2017 wara li kienu maqbuda ġewwa trakk li kien ipparkjat f’Walmart f’San Antonio, filwaqt li fl-2003, 19-il persuna nstabu mejta fi trakk fix-Xlokk tal-belt.

It-temperaturi f’San Antonio, li huwa madwar 260 km ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Messiku, telgħu għal temperatura ta’ 39.4C nhar it-Tnejn b’umdità għolja.

Is-Sindku ta’ San Antonio Ron Nirenberg, sejjaħ l-inċident tat-Tnejn bħala “traġedja umana orribbli”.

Huwa qal li dawn in-nies kellhom familji u li x’aktarx kienu qed jippruvaw isibu ħajja aħjar. Żied jgħid li jittama li ssir ġustizzja u dawk responsabbli jiġu mħarka.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks