“Jien raġel ta’ 30 sena. Bħalissa qed noħroġ ma’ persuna u qiegħed għal qalbi. Inkunu intimi u nħossni komdu bir-relazzjoni sesswali iżda ma nħossnix komdu biżżejjed biex nitkellem dwar affarijiet personali żżejjed.”
L-intimità tista’ tiġi deskritta bħala konnessjoni bejn koppja. L-intimità hija importanti ħafna bejn il-koppji għaliex mingħajrha koppja ma jkollhomx sens ta’ sigurtà ma’ xulxin. Ħafna minna naħsbu li l-intimità hija biss intimità sesswali, imma dan mhuwiex il-każ. L-intimità romantika tinqasam fi 3 partijiet, l-intimità emozzjonali, l-intimità intellettwali u l-intimità sesswali.
Intimità Emozzjonali
Koppja li hija intima b’mod emozzjonali jkollha sigurta, imħabba u sapport. B’hekk persuna tħossha li hija l-verżjoni pura tagħha nnifisha mal-partner tagħha. Għalhekk il-koppja tħossha li hemm validazzjoni mingħand il-partner, u anka huma stess ikunu validati minn xulxin. Meta persuna tagħti valur għall-emozzjonijiet tiegħek, inti tħossok komda tiftaħ qalbek u titkellem fuq dak li tħoss. Filwaqt li koppji li ma jiftħux qalbhom ma’ xulxin għar-raġuni li l-persuna l-oħra ma tagħtix kas dak li tkun qed tgħid, jew twaqqagħha għaċ-ċajt, il-persuna tibni ħajt u ma tħosshiex sikura fir-relazzjoni, biex il-persuna tipproteġi lilha nnifisha milli tweġġa’ aktar.
L-intimità Intelletawali
Il-kelma intellett tfisser kif wieħed jirraġuna u jifhem affarijiet b’mod astratt u jifhem dak li ma jarax. Eżempju ta’ diskussjoni intellettwali huwa dwar il-futur tal-koppja, kif ukoll diskussjoni dwar esperjenzi diffiċli. Diskussjoni intellettwali tikkonsisti ż-żewġ persuni jitkellmu u jisimgħu lil xulxin, u mhux persuna waħda biss titkellem. Il-koppja jkollha attitudni u interessi simili ta’ xulxin, l-istess valuri dwar ir-relazzjoni u jkunu leali lejn xulxin. Dan ifisser li jkollhom l-istess idea ta’ x’jixtiequ mir-relazzjoni u jiftehmu fuq x’tip ta’ relazzjoni se ikollhom.
L-intimità Sesswali
L-intimità sesswali tikkonsisti bħala intimità fiżika u tibda minn attrazzjoni. Is-sess jipprovdi mod senswali kif koppja jkollha konnessjoni. Dan huwa meta koppja tħossha maħbuba u mixtieqa mill-persuna l-oħra. L-intimità pura tiġi minn kemm wieħed huwa l-verzjoni vera tiegħu innifsu u komdu li jkun vulnerabbli mal-maħbub tiegħu. Ċerti nies jużaw is-sess sabiex jaħarbu l-intimità, sabiex ma jitkellmux dwarhom infushom u ma jurux il-vulnerabbiltà mal-persuna oħra.
Kif nista nibni l intimità mal-partner tiegħi?
Hawnhekk se nispjega 4 punti li tista’ ssegwi sabiex tibni intimità mal-partner tiegħek.
Il-paċenzja. Għal wħud minnkom hija ovvja din, għaliex ma tkunx l-ewwel darba li l-partner ikun se jġennek! Biex wieħed ikun qiegħed f’relazzjoni intima hemm bżonn ħafna paċenzja għaliex se ssir taf affarijiet li mhumiex daqshekk sbieħ fuq il-maħbub/a tiegħek, dan huwa kollu parti mill-proċess.
Titkellimx fuq affarijiet kbar wisq fil-bidu, dan ma jfissirx li qatt ma titkellem fuq affarijiet koroh jew li trid iddur mal-lewża. Dan ifisser li meta ssir taf lil xi ħadd, tkellem fuq dak li tħossok komda titkellem dwaru, u tħossokx pressured biex titkellem fuq affarijiet li ma tridx titkellem fuqhom. Eventwalment, meta tħossok komdu ma’ persuna, issibha iktar faċli titkellem.
Tkellem fuqek innifsek u dwar il-bżonnijiet tiegħek bħala persuna. Huwa importanti li tikkomunika b’mod effiċjenti u tassumix li x-xewqat tiegħek huma ovvji għall-persuna l-oħra.
Irrispetta d-differenzi bejnek u bejn il-partner. Tinsiex li kulħadd trabba b’mod uniku, u li kulħadd għandu l-identità tiegħu. Intom tistgħu tħobbu lil xulxin, imma ma taqblux fuq kollox.
Fuq kollox, ir-rispett, il-komunikazzjoni u s-sapport huma essenzjali ghal relazzjoni intima u b’saħħitha.

Tim multidixxiplinarju li jipprovdi kura għas-Saħħa Sesswali