Il-kantant Amerikan R. Kelly ġie kkundannat 30 sena ħabs talli uża l-istatus ta’ ċelebrità tiegħu biex jabbuża sesswalment minn tfal u nisa.

L-artist tal-R&B ta’ 55 sena kien instab ħati f’Settembru li għadda fi New York ta’ reati ta’ frodi u traffikar sesswali.

Huwa ffaċċja snin ta’ allegazzjonijiet u l-imħallef nhar l-Erbgħa qalet li kellu “indifferenza għat-tbatija umana”.

L-avukati tal-kantant, li ismu proprju huwa Robert Sylvester Kelly, qalu li se jappella.

Qabel is-sentenza tiegħu, numru żgħir ta’ nisa xehdu u kkonfrontaw lil Kelly.

Kelly irrifjuta li jagħmel stqarrija u ma rreaġixxiex hekk kif ingħata l-verdett.

L-Imħallef Distrettwali tal-Istati Uniti Ann Donnelly qalet li Kellu uża s-sess bħala arma, u ġiegħel lill-vittmi tiegħu jagħmlu affarijiet kontra r-rieda tagħhom filwaqt li infetta lil xi wħud b’mard trażmess sesswalment.

Żiedet tgħid li l-kantant għallimhom li l-imħabba hija jasar u vjolenza.

Il-Qorti semgħet kif Kelly, magħruf għal kanzunetti popolari bħal I Believe I Can Fly u Ignition, uża l-influwenza tiegħu biex jabbuża sesswalment minn tfal u nisa fuq medda ta’ għoxrin sena.

Il-ġurati fil-ġuri ta’ sitt ġimgħat tiegħu fi Brooklyn semgħu kif ittraffika nisa bejn stati differenti tal-Istati Uniti, assistit minn maniġers, gwardjani tas-sigurtà u membri oħra.

Il-Qorti semgħet ukoll kif Kelly kien kiseb permess illegalment biex jiżżewweġ lill-kantanta Aaliyah meta kellha 15-il sena fl-1994, seba’ snin qabel ma l-kantanta mietet f’ħabta ta’ ajruplan.

Iċ-ċertifikat, li kien ixxerred pubblikament dak iż-żmien, kien juri li Aaliyah kellha 18-il sena. Iż-żwieġ ġie annullat xhur wara.

Il-prosekuturi federali rrakkomandaw li Kelly jiġi kkundannat għal aktar minn 25 sena ħabs, minħabba l-gravità tar-reati tiegħu u “l-ħtieġa li l-pubbliku jiġi protett minn aktar reati”.

Iżda l-avukati tiegħu talbu sentenza ta’ 10 snin, il-minimu obbligatorju għall-kundanna tiegħu, jew inqas.

Huma argumentaw li l-azzjonijiet ta’ Kelly ġew mill-fatt li trabba fil-faqar u f’dar mimlija vjolenza domestika u li sofra wkoll minn abbuż sesswali minn età żgħira.

Qalu wkoll li hu ppjanat li jappella.

Kelly ilu jinżamm arrestat minn meta ġie akkużat mill-prosekuturi federali fi New York u Chicago f’Lulju tal-2019.

Fit-tliet snin tiegħu fil-ħabs iffaċċja fost oħrajn xebgħa minn priġunier fl-2020 u kien ukoll pożittiv għall-Covid-19 aktar kmieni din is-sena.

Il-kantant jiffaċċja aktar azzjoni legali f’Awwissu, meta jerġa’ jgħaddi ġuri, din id-darba f’Chicago fuq ritratti ta’ sess tat-tfal u akkużi ta’ ostruzzjoni.

Huwa mistenni wkoll jiffaċċja akkużi ta’ abbuż sesswali fil-qrati f’Illinois u Minnesota.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks