Select Page

Nitkellmu ma’ Fr Brendan Gatt

Fr Brendan, għidilna ftit dwarek. Min hu Fr Brendan Gatt?

Insellmilkom! Għandi 44 sena, mill-Mosta, it-tieni fost erba’ aħwa (tliet subien u tifla). Ġejt ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri dis-sena għalaqt tmintax-il sena qassis. Bħala saċerdot nagħti daqqa t’id fil-parroċċa tal-Msida.

Iżda l-ħidma primarja tiegħi fil-Knisja hija dik ta’ Vigarju Ġudizzjali, jiġifieri dak li, fost xogħol ieħor, jikkoordina u jmexxi l-ħidma tat-Tribunal Ekkleżjastiku; il-biċċa l-kbira tal-ħidma tagħna għandha x’taqsam mad-dikjarazzjonijiet ta’ nullità taż-żwiġijiet u sitwazzjonijiet oħra relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Għall-grazzja t’Alla, apparti dan ix-xogħol nakkumpanja wkoll gruppi ta’ talb. Nagħmel ħafna ħidma wkoll ma’ komunitajiet u gruppi li jaħdmu maż-żgħażagħ; inħoss li din hija xi ħaġa li żżommni żagħżugħ (għallinqas fl-ispirtu!). Għandi wkoll ix-xorti li nakkumpanja diversi koppji żgħażagħ lejn is-sagrament taż-żwieġ. Inqisha barka li ħafna minnhom iżommu kuntatt miegħi tul is-snin, u jqisuni bħala ħabib tal-familja tagħhom, kemm fil-mumenti ta’ ferħ u wkoll f’dawk ta’ niket. Spiss, pereżempju, jitolbuni ngħammdilhom xi tarbija; parti mill-after-sales service, biex ngħidu hekk!

Involut ukoll fix-xandir, l-aktar fuq Radju Marija. Inkun mistieden regolari wkoll fuq Radju Calypso u fuq 103 Malta’s Heart; kultant jistednuni anki fuq xi programm televiżiv.

Bħala passatempi, għalkemm ma tantx għandi ħin għalihom, inħobb iċ-ċinema, il-mużika, l-ikel, u s-safar. Fil-każ tas-safar, ovvjament dan huwa pjuttost limitat kemm minħabba l-ħin u wkoll minħabba l-ispejjeż involuti!

Ritratt: Tonio Lombardi

Kif tiddeskrivi t-tfulija u ż-żogħżija tiegħek? Liema memorji huma l-aktar għal qalbek?

Għall-grazzja t’Alla nista’ ngħid li kelli tfulija u żogħżija feliċi ħafna. Ġej minn familja magħquda, b’ġenituri eżemplari li lili u lil ħuti tawna ħafna għożża u eżempji sbieħ. Għall-Primarja, is-Sekondarja u s-Sixth Form mort skola l-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu, fejn kont għal qalbi ħafna.

Kont ukoll nattendi l-Oratorju Qalb ta’ Ġesù tal-Mosta l-ewwel fi tfuliti għal-lezzjonijiet tal-katekiżmu u mbagħad meta kbirt iktar, għal laqgħat ta’ formazzjoni (ŻAK) u mistrieħ ma’ sħabi. Tgħallimt ħafna skills għal ħajti: mill-palk (kemm quddiem u kif ukoll wara l-kwinti) sal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u anki radju tal-komunità. Fuq kollox għamilt ħafna ħbieb tajba li għadhom parti sabiħa minn ħajti sal-lum.

Il-memorji li għadhom l-iktar għal qalbi jimxu fuq żewġ binarji. L-ewwel memorji jduru mal-mod kif konna niċċelebraw il-Milied bħala familja: lejlet il-Milied, jien u ħija l-kbir konna neħduha in turns sena wara l-oħra biex nilbsu ta’ Santa Klaws u nqassmu r-rigali lil ħutna ż-żgħar. Il-Milied kien iġib ukoll żjarar lill-familja iktar wiesgħa (nanniet u zijiet), u ngħożż ħafna dawk il-memorji, anki għax in-nanniet illum m’għadhomx magħna.

It-tieni sett ta’ memorji sbieħ huma dawk li għext ma’ sħabi tal-Oratorju; pereżempju meta konna ntellgħu xi dramm tal-Passjoni, jew inkella xi farsa. Meta tkun għamilt dawk il-preparamenti kollha (tibni sett, titgħallem il-linji tiegħek, issib il-kostumi) u mbagħad, dakinhar tar-rappreżentazzjoni, tara kollox jiġi f’postu, qisha maġija, u fuq kollox tara n-nies jieħdu gost bil-prodott finali.

Meta u kif nibtet il-vokazzjoni tiegħek?

Nibtet kmieni, diġà fi tfuliti. F’April tal-1985, proprju ftit xhur qabel irċevejt l-Ewwel Tqarbina, kien miet in-Nannu Karm li kont nammirah ħafna għax fit-Tieni Gwerra Dinjija kien Petty Officer fin-Navy u kont nitgħaxxaq nara ritratti tiegħu, tant smart b’dik l-uniformi. Meta miet, apparti li ddispjaċieni ħafna, kont ħadt sorpriża għax meta ttawwalt fit-tebut, qabel morna għall-funeral, rajtu liebes bħal patri, jidhirli li kien bit-tonka u l-ispellizza!

Meta staqsejt lill-ġenituri għalfejn kien liebes hekk, spjegawli li kien fit-Terz’Ordni tal-Patrijiet Tereżjani (il-Karmelitani Skalzi). Il-membri ta’ Terz’Ordni (imsejħin ukoll Terzjarji) jgħixu aspetti tal-ħajja spiritwali ta’ xi Ordni Reliġjuż (bħall-Franġiskani, l-Agostinjani jew il-Karmelitani) filwaqt li jgħixu wkoll ħajja normali ta’ lajċi, bix-xogħol u l-familja. Minħabba li kien Terzjarju, in-Nannu seta’ jindifen bil-libsa reliġjuża tal-patrijiet; ma nafx għadhomx b’din id-drawwa. Imma niftakar li meta rajtu liebes dawk il-ħwejjeġ fit-tebut, xi ħaġa tqanqlet fija u bejni u bejn ruħi għedt: “La nikber nixtieq insir qassis!”

Fil-fatt ma kontx domt ma bdejt nattendi laqgħat tal-vokazzjonijiet, kemm fil-parroċċa u kif ukoll fis-Seminarju, ir-Rabat. Ma nistax ngħid li kienet triq sempliċi, għax iktar ma kbirt (b’mod speċjali bħala teenager) kont nagħmel naqra tug-of-war mal-Mulej u nipprova nifhem għalfejn qed isejjaħ lili, u jekk kontx lest ngħix ċerti caħdiet li ġġib magħha vokazzjoni saċerdotali; bħall-fatt li aħna ma niżżewġux. Imma bil-għajnuna t’Alla u bil-gwida u l-ħbiberija ta’ ħafna saċerdoti għaraft li dik kienet triqti, u ta’ 19-il sena dħalt is-Seminarju. Dawk is-seba’ snin ngħoddhom bħala fost l-isbaħ ta’ ħajti.

Ġieli jiġuk dubji dwar it-twemmin li tħaddan u li saħansitra tippriedka?

Jien inħobb ngħid li qatt ma jien se nbiegħ prodott li ma nkunx xtrajtu jien ukoll! Kultant tara xi preżentaturi tat-telebejgħ fuq it-TV (kemm lokali u kif ukoll barranin) li jkun ovvju li ma jafux biżżejjed dwar dak il-prodott, u huwa evidenti li huma ma jużawhx; anzi, kultant id-diskors tagħhom jikxifhom li ma jemmnux fih!

Issa fil-każ tiegħi, il-“prodott” huwa l-fidi tiegħi, il-fidi Nisranija, u r-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù. Nistqarr li mhux l-ewwel darba li ġietni xi mistoqsija f’moħħi, jew xi dubju dwar xi aspett tal-fidi jew tat-tagħlim tal-Knisja. Imma jien bniedem li nħobb infittex u nistaqsi, u allura meta tiġini mistoqsija, naf immur ukoll fl-għejjun minn fejn nista’ nsib l-informazzjoni meħtieġa. U nibqa’ nikkumbatti sa ma nsib tweġiba li tissodisfani. Kultant din it-tweġiba nsibha fi ktieb jew artiklu; drabi oħra sibtha f’xi persuna li gwidatni. Fuq kollox dawn id-dubji nressaqhom ukoll fit-talb; inpoġġihom quddiem Alla qisni qed niddjaloga ma’ ħabib. Ħafna drabi nsib paċi kbira fil-qalb u nasal għas-serħan tal-moħħ li nkun qed infittex.

U għalhekk nitkellem b’konvinzjoni; għax id-dubju jkun qanqalni u fetaħli t-triq biex insib risposta.

Int personali, x’issib l-aktar diffiċli li tipprattika minn dak kollu li tippriedka?

Se jkolli nagħmel naqra qrara pubblika; biżżejjed tara ritratt tiegħi biex tifhem x’ser ngħid! Nammetti li probabilment l-iktar ħaġa diffiċli biex inpoġġiha fil-prattika hija ċerta self control jew dixxiplina, b’mod speċjali fejn jidħol l-ikel.

Id-dixxiplina fuqna nfusna hija xi ħaġa li nippridkaw ħafna, l-aktar fejn tidħol spiritual guidance biex ngħinu nies jegħlbu diffikultajiet f’ħajjithom bħal xorb żejjed, drogi, pornografija, relazzjonijiet negattivi, u mġiba oħra li tista’ tagħmel ħsara lis-saħħa: fiżika, emozzjonali, u spiritwali. U għalhekk inħoss li japplika għalija l-kliem: “Tabib, fejjaq lilek innifsek!”

L-ikel inħobbu, imma iktar mill-ikel inħobb is-sens ta’ qrubija u l-kumpanija li l-ikel joħloq madwaru; iġib nies flimkien li jaqsmu ħajjithom u l-esperjenzi tagħhom; jiċċajtaw flimkien u jfarrġu lil xulxin. U dik hija xi ħaġa li nħobb ħafna. L-ikel jagħmel differenza, inħoss; meta niltaqa’ ma’ koppja jew familja u nieklu flimkien jinħoloq sens sabiħ ta’ ħbiberija u komunità. Meta niltaqgħu f’ċirkostanzi oħra, pereżempju wara skrivanija f’uffiċċju, tinħass qisha laqgħa ta’ xogħol, jew qisha intervista. Ma jkunx hemm l-istess spirtu ta’ intimità.

Iżda bħal kull aspett ieħor tal-ħajja, anki ħaġa tajba (bħalma hija l-ikel) tista’ tittieħed f’estrem. Il-fatt li ngħix ħajja sedentarja ħafna, u t-timetable dejjem mimlija daqs bajda, ma jgħinx lanqas, sfortunatament.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa?

Nistqarr li l-ikreh mumenti kienu kull meta kelli nagħmel xi funeral tat-tfal. Jien bniedem sensittiv ħafna, u dawn l-okkażjonijiet isewduli qalbi mmens. Iċċelebrajt funerali tat-tfal ta’ ħbieb tiegħi u kienu esperjenzi ta’ qsim il-qalb, kemm meta kienu trabi u wkoll meta kienu iktar imfarfrin, jew żgħażagħ. Kultant kelli wkoll niċċelebra xi funeral ta’ tarbija fil-parroċċa; anki jekk ma nkunx naf lill-familja, dejjem nispiċċa f’xifer il-biki, bil-vuċi miksura. Biss nemmen li jaf ikun ukoll mument ta’ grazzja; akkumpanjajt koppji f’dik l-esperjenza tat-telfa li jkunu ġarrbu u nemmen li kabbritna fil-fidi, fl-imħabba, u fil-kuraġġ ma’ xulxin.

Bħala mumenti sbieħ, kelli ħafna! Fuq livell personali naħseb li l-Ordinazzjoni tibqa’ l-isbaħ mument. Għadni niftakarni wara l-funzjoni, meta wasalna lura d-dar; għamilna festin żgħir għall-familja u mbagħad il-ġenituri u ħuti telgħu jorqdu. Bqajt waħdi fil-kċina, konxju li issa seħħet bidla profonda f’ħajti. Għal min iħobb il-Lord of the Rings, ħassejtni qisni Frodo u sħabu meta reġgħu lura lejn pajjiżhom (ix-Shire) wara l-avventura li kellhom!

Fuq livell pastorali, naħseb l-aqwa esperjenzi li kelli kienu meta ppridkajt quddiem folol ta’ mijiet ta’ żgħażagħ entużjasti, miġbura għal xi eżerċizzi jew laqgħat bħal tal-Y4J (Youth For Jesus) u tal-Youth Fellowship. Tħossok qisek rock star għal dawk il-ftit minuti. Imma mbagħad trid tfakkar lilek innifsek li għall-Mulej ġew, mhux għalik: Hu l-istilla, mhux int! Inkella tikbirlek rasek.

Mument ħelu li żgur ma tinsa qatt.

Darba kelli mmexxi adorazzjoni żgħira għall-bniet li kienu se jagħmlu l-preċett (jiġifieri ta’ xi 6 snin) fl-Oratorju Marija Immakulata, il-Mosta. Ħadt l-Ewkaristija miegħi u fis-sala armajt artal ċkejken bis-Sagrament fin-nofs imdawwar b’xi xemgħa u ftit fjuri, biex wara l-assembly t-tfal jidħlu ħdejja u mmexxihom f’mument ta’ talb. Jien kont liebes l-alba (il-libsa twila bajda li nilbsu għall-quddiesa) u stola bajda. Waqt li qed nistennihom jidħlu fis-sala, nisma’ lill-katekista fil-bitħa tgħidilhom: “Girls, illum għandna mistieden speċjali jistenniekom fis-sala; ġie jżurna Ġesù u issa se mmorru ħdejh biex inqattgħu ftit ħin miegħu.”

Il-bniet bdew deħlin fis-sala; xi wħud minnhom għarfuni u sellmuli, oħrajn le. Imma waħda minnhom hekk kif ratni qisha ħadet xokk: fetħet par għajnejn daqsiex u għattiet ħalqha b’idha; ippuntat lejja u lit-tifla ta’ ħdejha qaltilha: “Ara, hemm Ġesù!” Kont kommoss għal ftit sekondi li ħasbuni Ġesù… sakemm il-ħabiba tagħha qaltilha: “Mur ‘l hemm, fidila: dak Father Brendan!”

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek fil-vjaġġ tiegħek bħala saċerdot?

L-iktar sodisfazzjon matul dawn is-snin dejjem kien meta ltqajt ma’ persuni li għal xi raġuni jew oħra kienu mweġġgħin u mbegħdin mill-Knisja, jew forsi kienu qed iġorru dubji kbar dwar il-fidi tagħhom, u wara xi quddiesa (kultant anki tieġ jew funeral), xi laqgħa jew taħdita ras imb’ras, jew inkella wara xi seduta tat-Tribunal tal-Knisja, jgħiduli li mill-ġdid qed iħossuhom parti mill-Knisja, jew għallinqas li fiequ minn ċerti feriti u weġgħat.

Darba wara tieġ verament sabiħ, ġiet żagħżugħa li qaltli (bl-Ingliż u hekk se nirrepetiha), “If this is the Church today, I’m willing to give it another chance!” Żgur ma kienx mertu tiegħi biss, għax verament kien animat sabiħ dak it-tieġ, bil-mużika, il-qari, kollox. Kien hemm sens mill-aqwa ta’ komunità u ċelebrazzjoni dakinhar.

Darb’oħra żagħżugħ (li f’ħajtu kien bata ħafna u anki spiċċa vittma tad-droga u problemi oħra) inzerta kien għaddej bil-mixi (għax kellu l-ħsara fil-karozza) minn quddiem knisja fejn kont qed inqaddes il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija; kien hemm atmosfera bellezza, knisja mballata b’komunità ħajja. Ittawwal fil-knisja; ma nafx inzertax l-omelija jew xi parti oħra tal-quddiesa, imma baqa’ jistenna sa wara l-quddiesa biex ikellimni u qalli: “Father, kont għaddej minn quddiem il-knisja u ħassejt xi ħaġa tiġbidni; rajt din il-folla nies u bejni u bejn ruħi għedt: ‘nixtieq għandi dak li għandhom huma’.” Kien qed jirreferi għall-esperjenza sabiħa tal-fidi ħajja tagħhom.

Darb’oħra mara li kienet ġiet it-Tribunal biex tiftaħ kawża ta’ annullament, fi tmiem is-seduta qalet lili u lil qassis ieħor kollega tiegħi: “Grazzi ta’ kemm għentuni nħossni at ease. Ġejt imbeżża’ ħafna, imma bil-għajnuna tagħkom għamilt ħafna kuraġġ.”

Dawn huma esperjenzi li bħala qassis jimlewli qalbi.

Wieħed mis-suġġetti li int l-aktar sensittiv dwarhom.

Suġġett verament qrib qalbi huwa l-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem fil-mumenti kollha tagħha; mit-tnissil tat-tarbija fil-ġuf, sal-mewt naturali tal-bniedem. U d-dinjità tal-bniedem ma tidhirx f’dawn iż-żewġ tappi biss (li huma tassew kruċjali u essenzjali) imma wkoll f’kull fażi bejniethom: id-drittijiet tal-migranti, u tal-ħaddiema, pereżempju, u l-bżonn ta’ soċjetà li tħaddan iktar integrità u ġustizzja.

Kurżità partikolari dwarek.

Jien żaqqieq u l-ikel inħobbu; din mhix sorpriża. Bħala ikel, kollox inħobb niekol, b’żewġ eċċezzjonijiet: il-mushrooms u l-bebbux! Mhux xi allerġija ta… sempliċiment kwistjoni ta’ gosti. Il-bebbux pruvajtu għal darba, tnejn imma t-togħma u t-texture tiegħu dejquni. Il-mushrooms agħar, għax anki r-riħa tiegħu ddejjaqni. Mhemmx x’tagħmel… xi ħaġa trid tħalli għal ħaddieħor!

X’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja ta’ skoperta.net?

Provaw kunu għajn ta’ ferħ u paċi kull fejn tkunu. Agħmlu kulma tistgħu biex toħolqu spirtu ta’ mħabba u rikonċiljazzjoni f’kull sitwazzjoni. Mhux dejjem faċli, anzi, spiss ikun diffiċli ħafna, u nsibu diversi ostakli f’dan il-proċess. U spiss jiġġudikawna bħala nies naive, boloh u x’naf jien. Imma huwa sforz li ta’ min jagħmlu, u l-ħlas tiegħu, kemm għalik innifsek u wkoll għas-soċjetà, huwa kbir. Bħalma qal Ġesù: Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu ulied Alla.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks