Għal kważi 10 snin, is-serje The Love Boat ħadet lis-segwaċi fuq vjaġġ mimli avventuri abbord vapur tal-cruises.

Din is-serje li kisbet tant suċċess damet għaddejja mill-1977 sar-rebbiegħa tal-1986.

Karattri li żgur is-segwaċi jibqgħu jiftakru minn din is-serje huma Captain Stubing (Gavin MacLeod), “Doc” Bricker (Bernie Kopell), Burl “Gopher” Smith (Fred Grandy), Julie McCoy (Lauren Tewes) u Isaac (Ted Lange).

Is-serje The Love Boat kienet ibbażata fuq ktieb bl-isem ta’ Love Boats minn Jeraldine Saunders, l-ewwel mara li saret direttriċi tal-cruises għal Princess Cruises.

Il-ktieb jiżvela aneddoti mill-karriera ta’ 10 snin ta’ u d-diversi avventuri li kellha mal-passiġġieri, membri tal-ekwipaġġ u destinazzjonijiet eżotiċi.

Għalkemm il-ġbid tas-sitkom The Love Boat sar l-aktar fuq soundstages li setgħu joħolqu dehra ta’ vapur, ċerti xeni nġibdu fuq żewġ vapuri tal-cruises reali: The Pacific Princess u Island Princess. Xi passiġġieri kienu jieħdu sehem ukoll bħala extras waqt ċerti xeni li kienu jeħtieġu dehra aktar awtentika.

Il-kanzunetta ikonika ta’ The Love Boat inkitbet minn Paul Williams, li kien kiteb għal The Carpenters, David Bowie, u The Muppets, u Charles Fox, ir-raġel wara l-mużika għall-Wide World of Sports u l-ewwel tema għal Monday Night Football tal-ABC. Għall-ewwel tmien staġuni tas-serje, il-kanzunetta The Love Boat ġiet interpretata minn Jack Jones. Fid-disa’ u l-aħħar staġun tas-serje, il-kanzunetta ġiet interpretata minn Dionne Warwick.

Il-mużiċista Adrian Galea Lucas, li kien wieħed mis-segwaċi ta’ din is-serje xtaq iqanqal nostalġija permezz tal-interpretazzjoni tiegħu tal-kanzunetta minn The Love Boat.

“Fl-1977 fl-eta’ ta’ tnax-il sena, bdiet is-serje Amerikana bl-isem ta’ The Love Boat. Jien kont wieħed minn dawk li ma nitlifx episodju wieħed. It-Theme song ta’ din is-serje kont inkun qed nistenniha bil-ħerqa għax il-melodija tagħha tant kienet togħġobni. Għalkemm għadda dan iż-żmien kollu dik il-melodija baqgħet tinżilli tajjeb u bqajt inkantaha f’qalbi. Illum bi pjaċir qiegħed nippreżenta, The Love Boat bħala kanzunetta rrekordjata bil-verżjoni tiegħi. Bis-saħħa ta’ din is-song, nispera li nqanqal nostalġija sabiħa lil dawk is segwaċi li bħali kull nhar ta’ Ħadd ma kinux jitilfu episodju wieħed.”

Adrian Galea Lucas

Isma’ l-interpretazzjoni ta’ Adrian Galea Lucas:

Recording: Adrian Galea Lucas
Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks