Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-kantanta Celine Agius tkellmet dwar dak li għaddiet minnu madwar sentejn ilu waqt li kienet fil-proċess biex tissellef mill-bank biex tixtri post.
Celine spjegat kif hekk kif għamlet il-ħsieb li tixtri post, marret biex tipprova tissellef mill-bank. Wara li għamlet il-proċedura kollha kif suppost, u sadanittant kienet għamlet ukoll il-konvenju tal-post, marret il-bank biex tagħmel l-aħħar arranġamenti tagħha, talbuha biex tagħmel il-life insurance.
Li ma kinitx taf qabel Celine, għaliex hija ssostni li ħadd ma qalilha, kien, li l-piż tal-individwu tagħmel differenza fuq tingħatax il-life insurance jew le.
Kull fejn marret tistaqsi jekk hux possibbli li tagħmel din l-insurance, kollha qalulha li din ma tistax issir minħabba l-piż eċċessiv tagħha.
Celine qalet li l-fatt li persuna li jkollha piż eċċessiv ma titħalliex tissellef hija diskriminazzjoni. Żiedet tgħid li persuni obeżi xorta jrid ikollhom saqaf fuq rashom.
Hija stqarret li kien żmien diffiċli ħafna għaliha, saħansitra kellha tiffaċċja dipressjoni minħabba dan kollu u għalkemm kien irnexxielha tonqos sew mill-piż, xorta ma kienx biżżejjed biex tagħmel l-insurance u mhux biss ma setgħetx tissellef mill-bank iżda tħallas aktar kontijiet li kienu relatati mal-post.
Celine qalet li ddeċidiet li twassal dan il-messaġġ għaliex dan il-fatt mhuwiex magħruf minn kulħadd, u mhuwiex sew li persuni obeżi li jkunu jixtiequ jixtru post isibu dan l-ostaklu. Saħqet li huwa importanti li wieħed ikun jaf ma’ xiex se jkollu jħabbat wiċċu qabel jidħol fl-imperu tax-xiri.
Wasslet ukoll messaġġ lill-pubbliku biex ma jiġġudikax lil dawk li ma jkollhomx il-post tagħhom u minflok jikru, għax ħadd ma jkun jaf xi tkun ir-raġuni.
Filwaqt li qalet li bħalissa hija qed terġa’ tipprova tonqos mill-piż, tiekol ikel tajjeb għas-saħħa u fuq kollox tipprova tieħu saħħitha lura wara dak kollu li għaddiet minnu, xtaqet li tqajjem kuxjenza dwar kwistjoni li fi kliemha, hija sfaċċatament diskriminatorja fuq nies li huma qawwijin.
“Nispera li jsir xi ħaġa dwarha. Qegħdin f’dinja fejn nitkellmu fuq inklussività u kif ħa ninkludu lil kulħadd, allura min hu qawwi m’għandux dritt ikollu dinjità u saqaf fuq rasu?”
Celine Agius
