“X’nagħmlilkom Rit?” staqsieha.
“Kafè jekk jogħġbok,” qallu seħibha li kien bilqiegħda dritt xemgħa maġenbha.
“Kafè? U ejja nieħdu flixkun inbid,” qaltlu Rita b’nofs tbissima. Wara tazza nbid kienet tħoss ilsienha jillaxxka u żgur ma kinitx tibqa’ tistħi.
“Hux inbid hu. Jien xogħol.”
“Eh, orrajt, skuzani. Kafè għalija wkoll mela,” qalet lill-wejter.
“Allura sinjura, tridx nibdew?” staqsieha r-raġel tal-appuntament. Kemm kien ħelu! Wiċċu ma kontx tpinġih!
“U mela le….nibdew, nibdew,” qaltlu, tikxef xedaq snin bojod karti. Kienet għamlet kwazi tlett kwarti togħrok fihom ħalli timpressjonah eżatt qabel ġiet hawn.
“Xi tħobb tagħmel?” staqsietu.
“Jien?” tbissem.
“Fil-ħin liberu,” weġbitu.
“Inħobb insiefer. Kwazi kull tlett xhur immur xi mkien. Taqta’ ftit mir-rutina hux.”
“Sewwa tagħmel, sewwa tagħmel,” għajtet xi ftit iżżejjed ħalli jisimgħuha tal-mejda ta’ ħdejhom. “U fejn toqgħod?”
“Barra r-raħal.”
“Issuq?” staqsietu ħerqana.
“Iva allaħares le. M’ilux xtrajt karozza oħra. Għandi kollezzjoni ta’ karozzi antiki. Fil-garaxx għandi xi ħmistax-il waħda.”
Qalbha għamlet tikk.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi