Ġest mill-isbaħ minn xufier ta’ taxi li lbieraħ iddeċieda li jħallas hu stess il-vjaġġ ta’ mara li tbati mill-fibromyalgia u li talbitu jwassalha sal-ispiżerija.
Il-mara qalet li kienet muġugħa ħafna wara li taha attakk tal-fibromyalgia u kellha bżonn tmur tixtri mill-ispiżerija, iżda peress li bilkemm setgħet tiċċaqlaq bl-isress uġigħ u kien il-Ħadd, ma kien hemm l-ebda spiżerija miftuħa viċin tagħha u kellha ċċempel taxi.
Hija rrakkuntat kif dan ix-xufier mar għaliha u hekk kif waqt il-vjaġġ bdew jitkellmu, spjegatlu għaliex kellha tmur l-ispiżerija. Il-mara qalet li tkellmu wkoll fuq il-ħajja u fuq kemm qed issir diffiċli bil-prezzijiet jogħlew ħafna.
Hekk kif wassalha lura d-dar, il-mara qalet li xħin ħarġet il-flus biex tħallsu, ix-xufier qalilha li l-vjaġġ kien diġà mħallas.
Spjegat li dak il-ħin ħassitha mħawda u ċċekjat jekk kinitx għażlet li tħallas bil-card imma fl-istess ħin kienet ċerta li m’għamlitx hekk għaliex il-card tagħha kienet vojta dak il-ħin.
Xħin talbitu jivverifika għaliex kienet ċerta li kien hemm żball għax ma kinitx ħallset, huwa dar u qalilha biex ma tinkwetax u li ma kienx żball imma ħallas il-vjaġġ tagħha hu. Ix-xufier qalilha li għamel dan għax raha bħala persuna ġentili u ried jagħmel xi ħaġa sabiħa għaliha.
Għalkemm ippruvat tħallsu għaliex qalet li dak huwa xogħol, ix-xufier baqa’ jinsisti biex ma tħallas xejn.
Fl-aħħarnett il-mara qalet li rringrazzjatu u qaltlu li mhijiex se tinsa l-ġest sabiħ li għamel magħha.
Hija qasmet din l-esperjenza pubblikament għaliex xtaqet turi dan il-ġest sabiħ ta’ dan ix-xufier ġentili u altruist li għamlilha differenza fil-ġurnata tagħha u nisslilha tbissima.
