Select Page

George Degiorgio ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’intervista ma’ Reuters qal li mhux se “jinżel waħdu” għall-qtil.

Degiorgio qal lil Reuters li l-qtil kien “biss negozju” u li ma kienx se “jinżel waħdu” għalih.

F’kummenti li ta lil Reuters mill-ħabs, George Degiorgio qal li kieku kien jaf aktar dwar Daphne Caruana Galizia, kien jitlob 10 miljuni u mhux 150,000 ewro. Huwa kien qed jirreferi għas-somma li qal li tħallas biex joqtol lil Daphne.

Qal li għalih din kienet biċċa negozju bħal tas-soltu. Iktar tard żied jgħid, “Naturalment inħossni dispjaċut.”

Degiorgio, ħuh Alfred, u Vincent Muscat ġew arrestati u mixlija li wettqu l-qtil tal-ġurnalista f’Diċembru 2017. Minn dakinhar Vincent Muscat ġie kkundannat 15-il sena ħabs wara li wieġeb ħati tal-involviment tiegħu fil-qtil.

Degiorgio u ħuh kemm-il darba ppruvaw jiksbu maħfra presidenzjali u jgħidu li jekk dan isir jikxfu u jixhdu kontra oħrajn li allegatament huma involuti fil-qtil, u dwar reati oħra madwar il-gżira.

Kull darba, dawn it-​talbiet ġew miċħuda, u l-​Qorti tal-​Appell dan l-​aħħar ċaħdet il-​bidliet legali li fadal lill-​aħwa, u wittiet it-​triq biex il-​proċess kontrihom jitkompla.

Degiorgio ta l-intervista lil Reuters, l-ewwel darba li kkummenta pubblikament dwar il-każ, miċ-ċella tiegħu tal-ħabs, fejn qal li se jkun qed ikellem lill-maġistrat sabiex iwieġeb ħati qabel il-ġuri.

Huwa indika li kien se jipprovdi xhieda li timplika lil ħaddieħor fil-qtil u jesponihom ukoll għal pjan preċedenti li ma rnexxiex biex jinqatel lill-ġurnalista.

Degiorgio qal li jrid tnaqqis fil-piena għalih innifsu u għal ħuh meta jagħmel dan, u jrid jiżgura li ma jkunux se “jinżlu waħedhom.”

Degiorgio qal fl-intervista li lest jixhed li persuna, li Reuters ma semmiex iżda li ddeskriviha bħala “figura politika prominenti Maltija”, kienet ippruvat tippjana attentat ta’ qtil fuq Daphne Caruana Galizia sentejn qabel, fl-2015.

Qal ukoll li kien se jixhed dwar l-involviment ta’ żewġ eks Ministri f’serqa armata.

Reuters qalet li f’dan l-istadju mhux se jsemmu lill-individwi inkwistjoni, u żiedet li kollha jiċħdu l-involviment f’xi reat.

George Degiorgio u ħuh s’issa, permezz tal-avukat tagħhom William Cuschieri, iddikjaraw b’insistenza li ma kinux involuti fil-qtil, u ressqu għadd ta’ sfidi legali kontra aspetti differenti tal-każ ta’ profil għoli.

Degiorgio kien qed jiġi intervistat minn Reuters bħala parti mir-riċerka li qed issir għal podcast dwar il-każ Caruana Galizia bit-titlu “Min qatel lil Daphne?” li mistenni jixxandar f’Lulju.

In-negozjant Yorgen Fenech bħalissa jinsab akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa ġie arrestat f’Novembru tal-2019, u l-prossimità tiegħu mal-gvern wasslet għal protesti fit-toroq li fl-aħħar mill-aħħar wasslu biex il-Prim Ministru Joseph Muscat irriżenja mill-kariga tiegħu.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks