Il-Papa Franġisku ċaħad rapporti li qed jippjana li jirriżenja fil-futur qarib, u qal li huwa ppjanat li jżur il-Kanada dan ix-xahar u jittama li wara jkun jista’ jmur Moska u Kiev kemm jista’ jkun malajr.
F’intervista esklussiva li saret mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters fir-residenza tiegħu fil-Vatikan, il-Papa Franġisku ċaħad ukoll xnigħat li kellu kanċer, filwaqt li ċċajta li t-tobba tiegħu “ma qaluli xejn dwaru”, u għall-ewwel darba ta dettalji dwar il-kundizzjoni tal-irkoppa, li wasslitu biex juża siġġu tar-roti u żammitu milli jwettaq xi dmirijiet. Huwa qal li bil-mod ġejja għall-aħjar.
Xnigħat iċċirkolaw fil-midja li għadd ta’ avvenimenti lejn l-aħħar ta’ Awwissu, inklużi laqgħat mal-kardinali tad-dinja biex tiġi diskussa kostituzzjoni ġdida tal-Vatikan, ċerimonja biex jiddaħħlu kardinali ġodda, u żjara fil-belt Taljana ta’ L’Aquila, jistgħu jwasslu biex il-Papa jħabbar ir-riżenja tiegħu.
L’Aquila hija assoċjata mal-Papa Ċelestin V, li rriżenja mill-papat fl-1294. Il-Papa Benedittu XVI żar il-belt erba’ snin qabel ma rriżenja fl-2013, l-ewwel Papa li għamel dan f’madwar 600 sena.
Imma l-Papa Franġisku, attent u komdi matul l-intervista waqt li ddiskuta firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet internazzjonali u tal-Knisja, daħak bl-idea.
“Dawn il-koinċidenzi kollha ġegħlu lil xi wħud jaħsbu li se tiġri l-istess ‘liturġija’,” qal, u sostna li qatt m’għaddietlu minn moħħu li dan iseħħ għalissa.
Madankollu, huwa tenna l-pożizzjoni tiegħu, iddikjarata diversi drabi, li jista’ xi darba jasal il-mument li jirriżenja jekk in-nuqqas ta’ saħħa tagħmilha impossibbli għalih li jmexxi l-Knisja, xi ħaġa li kienet kważi inkonċepibbli qabel Benedittu XVI.
