Boris Johnson irriżenja minn mexxej Konservattiv u se jwarrab minn Prim Ministru meta jinstab mexxej ġdid.
Huwa se jkun qed iħalli l-kariga wara inqas minn tliet snin, minkejja li rebaħ maġġoranza kbira fl-elezzjoni ġenerali tal-2019.
Il-Prim Ministri li jispiċċaw huma ġeneralment mistennija li jibqgħu fil-kariga sakemm jinstab suċċessur. Imma dan kif jiġri?
Kif jeleġġu mexxej ġdid il-Konservattivi?
Ladarba mexxej Konservattiv jitlaq, tinbeda elezzjoni għal mexxej ġdid tal-partit. Skont ir-regoli attwali, il-kandidati jeħtieġu l-appoġġ ta’ tmien Membri Parlamentari Konservattivi biex joħorġu.
Ladarba l-kandidati kollha jkunu ddikjaraw, jekk ikun hemm aktar minn żewġ kandidati, il-Membri Parlamentari ta’ Tory iżommu sensiela ta’ voti sakemm jibqgħu tnejn biss.
- Fl-ewwel rawnd, il-kandidati jridu jiksbu 5% tal-voti biex jibqgħu jikkomtestaw (bħalissa hemm18-il deputat).
- Fit-tieni rawnd, iridu jiksbu 10% (bħalissa hemm 36 MP).
- Fir-rawnds li jkun imiss il-kandidat bl-inqas numru ta’ voti jiġi eliminat.
Meta jitħallew żewġ MP, il-membri kollha tal-Partit Konservattiv madwar il-pajjiż, u għalhekk mhux MP biss, jivvutaw għar-rebbieħ.
L-iskala taż-żmien għal kull elezzjoni hija deċiża mill-Kumitat tal-MP tal-backbench tal-1922, u l-kumitat jista’ jivvota biex ibiddel ir-regoli qabel ma tibda l-elezzjoni.
Kif jinħatar il-Prim Ministru li jmiss?
Min jirbaħ l-elezzjoni biex imexxi l-Konservattivi, se jsir il-kap tal-partit bl-akbar numru ta’ Membri Parlamentari fil-Parlament.
Ir-Reġina għalhekk titlobhom jiffurmaw gvern.
Meta prim ministru jirriżenja, ma jkunx hemm awtomatikament elezzjoni ġenerali.
L-aktar tard li tista’ ssir elezzjoni huwa f’Jannar tal-2025, iżda l-Prim Ministru l-ġdid jista’ jagħżel li jsejjaħ elezzjoni qabel dak iż-żmien.
Sadanittant Boris Johnson qal li beħsiebu jkompli bħala Prim Ministru sakemm ikun hemm mexxej ġdid.
Dan ifisser li se jibqa’ fil-kariga sakemm il-Konservattivi jagħżlu mexxej ġdid, kif għamlu l-predeċessuri tiegħu Theresa May u David Cameron meta rriżenjaw.
Fl-istqarrija tar-riżenja tiegħu huwa qal li qabel ma’ Graham Brady, iċ-chairman tad-deputati tal-backbench taghom, li l-proċess tal-għażla tal-mexxej il-ġdid għandu jibda issa u l-iskeda titħabbar il-ġimgħa d-dieħla.
Xi wħud mill-kritiċi tiegħu qed jitolbu lil Johnson biex jitlaq immedjatament u mhux jistenna li jintgħażel suċċessur.
Il-Mexxej Laburista Keir Starmer qal li jekk Johnson ma jitneħħix mill-ewwel, hu jsejjaħ vot ta’ sfiduċja.
Taħt mozzjoni ta’ sfiduċja, il-Membri Parlamentari kollha, mhux biss il-Konservattivi, iridu jivvutaw. Vot wieħed aktar favur ikun meħtieġ biex din tgħaddi.
Riżultat bħal dan, madankollu, ikun jiddependi fuq il-vot tal-Membri Parlamentari Konservattivi kontra l-gvern tagħhom stess, li x’aktarx hija diffiċli li tiġri.
Min jista’ jieħu post Boris Johnson bħala Prim Ministru?
Bħalissa, m’hemm l-ebda suċċessur ovvju għal Johnson, iżda hemm diversi kandidati potenzjali.
L-eks ministri tal-Kabinett Jeremy Hunt u Sajid Javid, it-tnejn li huma kienu kkontestaw għat-tmexxija u jistgħu jagħżlu li jerġgħu jagħmlu dan.
Kontendenti oħra possibbli jinkludu:
- L-eks Segretarju tal-Leveling Up Michael Gove
- Il-Ministru tal-Kummerċ Internazzjonali Penny Mordaunt
- L-eks-Kanċillier Rishi Sunak
- Is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Liz Truss
- Il-president tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin Tom Tugendhat
- Is-Segretarju tad-Difiża Ben Wallace
- Il-Kanċillier Nadhim Zahawi
Sakemm iċedi uffiċjalment il-kariga ta’ Prim Ministru, Johnson għad għandu l-istess poter, fit-teorija. Fir-realtà, issa huwa nieqes mill-awtorità li jintroduċi xi politika radikali ġdida.
Huwa xorta se jkun qed jirrappreżenta lir-Renju Unit barra mill-pajjiż u jista’ jkompli jagħmel ħatriet pubbliċi jew bidliet fit-tim tal-ministri tiegħu.
