Select Page

Waħda mill-kittieba u produtturi tas-sitkom tal-Istati Uniti tas-snin 90, Friends, ammettiet li kien “żball” li ma ntużawx il-pronomi xierqa għall-ġenitur transġeneru ta’ Chandler.

Marta Kauffman qalet li issa jiddispjaċiha mir-rappreżentazzjoni tal-karattru, li kien interpretat minn Kathleen Turner.

Hija qalet li baqgħu jirreferu għaliha bħala missier Chandler, minkejja li kienet trans.

Turner dehret fis-sitkom tant popolari fi tliet episodji fis-seba’ staġun, li xxandar għall-ewwel darba fl-2001.

Il-karattru tagħha kien il-mira ta’ ċajt minn oħrajn, inkluż Chandler u ommu, dwar l-identità u d-dehra tal-ġeneru tagħha.

F’intervista tal-2018, Turner qalet li ma kinitx se tieħu l-karattru jekk terġa’ tiġi offruta, u tħallih f’idejn mara trans.

Qalet ukoll li elementi ta’ Friends ma kinux qed jiżviluppaw tajjeb, għaliex kien hemm konfużjoni dwar jekk il-karattru kienx drag queen jew mara trans. Hija qalet li n-nies ħasbu li Charles kien sempliċement qed jilbes ta’ mara.

Il-karattru ma ġiex rikonoxxut b’mod espliċitu bħala trans fis-sitkom, kien jissejjaħ bħala omosesswali u jintwera jaħdem bħala drag queen bl-isem ta’ Helena Handbasket f’Las Vegas.

Kauffman, li hija wkoll kittieba tas-serje ta’ Netflix, Grace and Frankie, qalet li tagħmel l-affarijiet b’mod differenti kieku kienet qed taħdem fuq Friends issa.

Waqt li tkellmet dwar inċident reċenti li seħħ fuq sett ta’ serje televiżiva, hija qalet lill-BBC li keċċet raġel fuq il-post talli ċċajta b’cameraperson trans filwaqt li saħqet li dan ma jistax iseħħ.

Hija kompliet tgħid ukoll li fis-sitkom ta’ Friends ma kellhomx biżżejjed rappreżentanza ta’ nies b’karnaġġjon skur u li hi kienet parti minn razziżmu sistemiku fin-negozju tagħhom.

Kauffman qalet li kieku dakinhar kienet taf dak li taf issa, hemm ċerti affarijiet li kienet tibdel. Imma ma kinitx tafhom u minn dak iż-żmien tgħallmet.

“Li tammetti u taċċetta l-ħtija mhix faċli,” qalet lill-Los Angeles Times il-ġimgħa li għaddiet. “Huwa ta’ uġigħ li tħares lejk innifsek fil-mera. Inħossni imbarazzata li ma kontx naf aħjar 25 sena ilu.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks