Wara li l-ġimgħa li għaddiet sirna nafu iktar mill-qrib lil Fr. Brendan Gatt, illum ħa nitkellmu miegħu dwar kwistjonijiet ftit jew wisq kontroversjali u niskopru l-perspettiva tiegħu dwarhom…

Fr. Brendan…

B’tant reliġjonijiet madwar id-dinja u b’tant denominazzjonijiet tat-twemmin Kristjan, kif tista’ tkun ċert li t-twemmin tiegħek hu l-iktar twemmin korrett?

Ħa ndawwarha f’mistoqsija oħra: minn tant tfajliet jew ġuvintur fid-dinja, kif tista’ tiddeċiedi jekk l-għarus jew l-għarusa tiegħek huwiex jew hijiex dak/dik li għandek tqatta’ ħajtek miegħu/magħha? Qed inpoġġiha b’dan il-mod għax ħafna nies jaħsbu li r-reliġjon hija xi tagħlim li trid temmen, jew inkella sett ta’ ritwali li trid tagħmel. Sa ċertu punt veru: kull reliġjon fiha tagħlim u ritwali.

Imma hija ĦAFNA iktar minn hekk ukoll: hija rabta, relazzjoni, ma’ Alla. Minn hemm irid jibda kollox. Għax jekk ikolli t-twemmin biss nispiċċa b’ideoloġija. U jekk ikolli ritwali biss nispiċċa folklor jew reliġjożità bla sens. Imma jekk ikolli relazzjoni ħajja ma’ Alla, imbagħad infittex li ngħix skont il-Kelma tiegħu, fil-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu fih. Bħalma jiġri jekk tinnamra ma’ xi ħadd: tibda’ tifhem u tħobb il-gosti tagħhom; il-ħbieb u l-familja tagħhom donnhom isiru tiegħek ukoll.

Għalhekk nemmen fil-Knisja Kattolika; għax nemmen mija fil-mija f’Ġesù Kristu. Għalkemm jien bniedem li nħobb nistħarreġ u nitgħallem dwar reliġjonijiet u kulturi differenti, u ċertament nara aspetti sbieħ fihom ukoll, ebda profeta jew mexxej reliġjuż ieħor qatt ma qanqalli l-istess konvinzjoni u mħabba li jqanqal fija Ġesù. Jekk taqra l-Vanġeli (u tant kitbiet oħra tal-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu) issib fih figura għalkollox koerenti: li għex kompletament dak li għallem, u li ħabb sa ma bata l-eqqel ħruxija. Ma kien hemm ebda qerq fih; ma fittix li jintogħġob mas-setgħana. Ma ddejjaqx isejjaħ lin-nies għall-qdusija u l-perfezzjoni, imma fl-istess ħin kellu qalb kollha ħniena għad-dgħajfa u l-imwarrbin.

U għax nemmen fih, nemmen dak li qal: li hu l-Iben t’Alla li ġie fostna biex jifdina; u li għamel dan permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U naf li waqqaf il-Knisja: ġemgħa ta’ dixxipli li għandhom il-missjoni li jxandru kliemu sa truf l-art: bix-xandir tal-kelma, bl-eżempju ta’ ħajjithom, u bis-sagramenti li huma l-għajnuna li jagħtina Alla nnifsu biex nikbru fil-qdusija.

Għalkemm nifhem li hemm affarijiet sbieħ f’komunitajiet Insara u anki f’reliġjonijiet oħra, l-ebda waħda ma tikkonvinċini daqs dik Kattolika. Mhux għax hija l-iktar faċli jew konvenjenti; pjuttost bil-maqlub. Imma għax nemmen li hija vera.

Kull tant żmien nisimgħu b’xi saċerdot li jmur lil hinn minn dak li mdorrijin nisimgħu u naraw minn saċerdot. Xhur ilu, deher filmat fejn saċerdot ammetta li jagħmel ċerti affarijiet li forsi mhux li wieħed jistenna minn saċerdot. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Aħbarijet bħal dawn isewduli qalbi; mhux għax nippretendi li s-saċerdot huwa xi bniedem perfett li ma jiżbalja qatt. Aħna lkoll bnedmin, wara kollox. Iżda ċerti realtajiet ta’ dnub u debbolizza mhumiex ta’ min wieħed ixandarhom fil-beraħ, avolja forsi jkollu intenzjoni tajba: pereżempju biex juri kemm hu uman, jew biex jemfasizza l-ħniena t’Alla.

Iżda l-effett, kif rajna, kien proprju l-kuntlarju: inħoloq sens qawwi ta’ skandlu u stmerrija. Għax għalkemm nafu li s-saċerdoti u r-reliġjużi huma bnedmin, u għaldaqstant dgħajfin u fraġli wkoll, imma għallinqas nistennew li biex jiggwidawna u jgħallmuna jkunu qed jipprovaw jimxu fit-triq tal-perfezzjoni. U dan ifisser li jistinkaw biex jaħarbu kull kwalità ta’ dnub.

Ikun hemm drabi fejn il-ħsibijiet u l-opinjoni tiegħek dwar ċerti kwistjonijiet ikunu differenti mill-pożizzjoni li tieħu l-Knisja? Jekk u meta dan ikun il-każ, kif tirreaġixxi?

Ejja ngħidu li kultant ikun hemm mumenti fejn ikolli nagħmel sforz naqra ikbar mis-soltu biex nifhem il-pożizzjoni li jkunu ħadu r-rgħajja tal-Knisja dwar xi kwistjoni partikolari… ma jfissirx li bilfors ma naqbilx, imma pjuttost li forsi nħoss li setgħet ġiet espressa b’mod differenti, li iktar jinftiehem min-nies komuni. Imma meta niġi f’kunflitti (normalment żgħar, u rari) bħal dawn, infakkar lili nnifsi li jien m’iniex “freelancer” (jiġifieri naħdem għal rasi), imma jiena membru tal-Knisja u ħaddiem fi ħdanha għall-ġid tal-poplu t’Alla. Għaldaqstant nipprova nifhem dak it-tagħlim, u nħallih joffrili sfida biex inħares lejn ċerti kwistjonijiet b’għajnejn ġodda. U meta nissielet biex nifhem u nħaddan dak it-tagħlim jiena stess, imbagħad forsi nkun nista’ ngħaddih lil ħaddieħor b’mod iktar konvinċenti u b’imħabba.

Din il-ħaġa taħdem ukoll b’mod pożittiv. Ħa ntik eżempju: inħoss li l-Papa Franġisku spiss matul il-pontifikat tiegħu offrieli sfida (f’sens pożittiv). Per eżempju l-importanza li jagħti lil dawk fil-periferiji, jiġifieri dawk li huma mbegħdin miċ-ċentru tal-Knisja u tas-soċjetà, jew inkella l-emfasi li jagħti lill-ħarsien tal-ħolqien (l-ambjent naturali)… dawn kollha jitolbu minni konverżjoni mill-mod kif jiġini l-iktar naturali u komdu li nħares lejn dawn ir-realtajiet jien.

Il-każijiet ta’ abbuż sesswali fi ħdan il-Knisja huma waħda mill-problemi li l-Knisja ilha tiffaċċja għal snin twal. X’taħseb li kienet ir-raġuni prinċipali li għal żmien twil il-Knisja kienet tagħżel li mhux biss ma toffrix għajnuna lill-vittmi iżda taħbi u tipproteġi lill-agressur?

Qed tpoġġi subgħajk fuq pjaga serja fil-ħajja tal-Knisja, sitwazzjoni ta’ tbatija terribbli għall-vittmi u għall-familjari tagħhom u ta’ skandlu atroċi għall-poplu t’Alla u għas-soċjetà. Dawn l-iskandli kkawżaw ħsara li qas nistgħu nifhmuha jew ngħodduha; kissru l-fiduċja fil-Knisja għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies f’ċerti pajjiżi. Agħar minn hekk, begħdu miljuni ta’ nies saħansitra minn Alla! Fuq kollox irridu nerġgħu nsemmu l-vittmi li ħassewhom traduti minn dik l-istess istituzzjoni li suppost ħarset l-innoċenza tagħhom; ħafna minnhom spiċċaw bi problemi psikoloġiċi u/jew mentali, u wħud minnhom tkissrulhom żwiġijiet jew relazzjonijiet intimi oħra. Ħafna fosthom spiċċaw ukoll vittmi ta’ alkoħol, drogi u f’xi każi anki suwiċidju. L-aggressuri li ġabuhom f’dak l-istat iridu jagħtu kont serju quddiem Alla tal-ħsara li wettqu.

Naħseb li waħda mir-raġunijiet għalfejn diversi rgħajja tal-Knisja għażlu li jipprovaw jaħbu dawn l-iskandli u jipproteġu lill-aggressur flok lill-vittmi kienu frott tentattiv żbaljat biex mingħalihom ma ssirx ħsara lill-fama tal-Knisja. Taw iktar importanza lir-reputazzjoni tal-Knisja bħala istituzzjoni milli lill-benesseri tal-membri tagħha (u tas-soċjetà iktar wiesgħa). Biex iżommu l-faċċata tidher sabiħa, injoraw it-tinwir li kien hemm warajha. Preferew id-dehra ta’ barra mill-verità u l-ġustizzja, u b’hekk eventwalment ikkawżaw ħsara ferm ikbar. Għax din l-istess kultura ta’ omertà (ħabi u silenzju) fl-aħħar infaqgħet qisha bużżieqa u għamlet ħoss u ħsara ferm agħar milli kieku s-sitwazzjonijiet ġew trattati waħda waħda meta nqalgħu; u l-vittmi kienu ferm aktar numerużi. Meta l-problema tipprova tiknisha taħt it-tapit, fl-aħħar mill-aħħar terġa’ titfaċċa: u ma titfaċċax weħedha, imma tiġi bl-imgħax!

Int personali, xi tħoss meta tisma’ b’każijiet bħal dawn? Taħseb li sar progress mill-Knisja f’dan ir-rigward? Fadal xi jsir?

Nemmen li sar ħafna f’dan ir-rigward, iva. Nemmen li nbidlet ħafna il-kultura, hekk li llum il-ġurnata kważi morna l-estrem l-ieħor. Sfortunatament dawn l-iskandli tellfuna ċerta innoċenza bħala Knisja. Niftakar li għaxar snin ilu meta kont rettur f’żona pastorali fi ħdan il-parroċċa tal-Mosta, wieħed abbati talabni naqsamlu t-triq wara l-quddiesa ta’ filgħaxija (għax ommu qaltlu ma jaqsamx waħdu). Mort miegħu biex jaqsam u bl-iktar mod naturali u innoċenti qabadli idi biex naqsmu t-triq flimkien. Dak il-ħin għaddieli ħsieb: “X’se jaħsbu n-nies jekk jarawna?”. Sempliċi ġest innoċenti donnu ttebba’ minħabba l-ħtija ta’ ħaddieħor. Ħasra; imma jekk din il-bidla fl-atteġġjament tgħin biex jiġu evitati iktar vittmi, m’hemmx x’tagħmel: tkun sagrifiċċju neċessarju.

Ovvjament dejjem fadal xi jsir. Minkejja ħidma eċċezzjonali fil-Knisja f’pajjiżna (u anki madwar id-dinja) favur kultura soda ta’ Safeguarding, u strutturi li twaqqfu proprju biex jedukaw u jħarsu liċ-ċkejknin u l-vulnerabbli, dejjem irridu nibqgħu attenti għax il-bniedem jibqa’ bniedem u allura dgħajjef u fraġli.

Hemm estrem ieħor li l-Knisja trid toqgħod attenta minnu; dak li mill-ewwel naqbżu għall-konklużjoni li kull akkużat huwa awtomatikament ħati. Dan ukoll huwa perikoluż għax kultant saru akkużi foloz biex iħammġu persuni innoċenti. Għalhekk importanti li l-Knisja jkollha strutturi tajba biex jinvestigaw dawn l-akkużi (u nemmen li dawn l-istrutturi fil-fatt jeżistu), u li dejjem tkompli taħdem id f’id mal-awtoritajiet ċivili wkoll (pulizija u qrati).

L-aħħar stqarrija li ħarġet mill-Vatikan dwar persuni omosesswali ddiżappuntat lil dawk li kienu qed jittamaw li l-Knisja tagħmel avvanz fil-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan?

Jiddependi x’nifhmu b’avvanz fil-pożizzjoni tal-Knisja. Naqbel miegħek li kien hemm bosta persuni li ġenwinament weġġgħu minħabba dak id-dokument, kemm persuni LGBT+ u kif ukoll familjari u ħbieb tagħhom. Naqbel ukoll li l-wording ta’ dak id-dokument seta’ sar b’mod iktar sensittiv, sabiex ma jiġix qisu attakk fuq dawn ħutna u fuq l-identità l-iktar profonda tagħhom.

Iżda rridu nżommu wkoll f’moħħna li dak id-dokument kien bi tweġiba għal mistoqsija li saret, dwar jekk relazzjonijiet omosesswali jistgħux jitbierku. It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ huwa magħruf, u għaldaqstant ir-risposta dwar barkiet ta’ relazzjonijiet trid tinftiehem f’dak ir-rigward. Il-concern tar-rgħajja tal-Knisja f’dan il-każ partikolari kienet jekk barka ta’ din ix-xorta toħloqx konfużjoni dwar in-natura awtentika taż-żwieġ bħala rabta dejjiema bejn raġel u mara li mill-għaqda tagħhom tista’ titnissel il-ħajja.

Nemmen li apparti dawk li kitbu d-dokument – li ċertament setgħu kienu iktar sensittivi fil-mod kif poġġew id-diskors, għandhom responsabbiltà kbira wkoll dawk (inklużi isqfijiet f’ċerti pajjiżi bħall-Ġermanja) li lill-komunità LGBT+ tawha l-impressjoni li kien se jkun hemm xi tibdil imminenti fit-tagħlim tal-Knisja, meta kienu jafu li m’hemm xejn minn dan. U ovvjament meta ħareġ dak id-dokument bi kjarifika, inħolqu bosta weġgħat li setgħu ġew evitati.

Il-Papa Franġisku jurina l-mod l-iktar san u sabiħ ta’ kif inħobbu u nintegraw lil komunitajiet diversi fi ħdan il-Knisja, u niddefendu d-dinjità tagħhom, iżda mingħajr ma tinħoloq konfużjoni dwar it-tagħlim l-iktar fundamentali dwar il-bniedem u s-sejħa tiegħu għall-qdusija.

Jinkwetak il-fatt li ħafna nies qed jitbegħdu mill-Knisja? X’taħseb li huma r-raġunijiet għal dan?

Meta tkun tgħix f’soċjetà pluralista li tinkludi kulturi, ideat u reliġjonijiet differenti f’pajjiż wieħed, u b’influwenza enormi mill-midja u l-kultura ta’ pajjiżi ferm ikbar minna bħall-Istati Uniti tal-Amerka, bilfors naraw bidla. Jekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu il-ħajja tar-raħal Malti u Għawdxi kienet fil-biċċa l-kbira tagħha ddur mal-ħajja tal-Knisja (festi, oratorji, teatrini, quddies eċċetra) illum ir-realtà hija kompletament differenti. Hemm bosta għejjun minn fejn wieħed jista’ jixrob u allura huwa naturali li l-Knisja għandha “kompetizzjoni”.

Iktar ninkwieta mill-fatt li anki fost dawk li jqisu ruħhom bħala membri tal-Knisja, xorta waħda teżisti ċerta mentalità fejn jersqu l-Knisja biss meta jkun konvenjenti, jew verament għall-bżonn. Hemm numru mhux ħażin ta’ nies, issa li l-ħajja sa ċertu punt qed terġa’ tiġi għan-normal wara l-waqfiet tal-Covid-19, li komplew b’ħajjithom normali fejn jidħol ħruġ, xiri, mistrieħ, xogħol u divertiment, imma mbagħad lejn il-knisja għadhom ma rritornawx.

Parti mill-problema hija li bħala pajjiż serraħna wisq rasna bl-idea li għandna “kultura kattolika” imma li fil-qalba tagħha ma tfissirx twemmin Nisrani jew fidi konkreta. U allura meta l-fidi tan-nies tonqos, dik il-kultura ssir biss qisha qoxra fuq il-wiċċ; tispiċċa biss bħala folklor. U jekk ma jkollhiex bażi soda ta’ fidi li ssostniha, il-qoxra tikkrolla!

Ovvjament ir-rgħajja tal-Knisja wkoll għandhom responsabbiltà kbira f’dan kollu. Ħafna drabi tul is-snin, fil-parroċċi tagħna qisna ħadna l-attendenza tan-nies for granted. Qishom dejjem se jibqgħu jiġu, noffrulhom x’noffrulhom. Ma ħdimniex biżżejjed biex nikkultivaw sens ta’ appartenenza (sense of belonging) fejn in-nies ġenwinament iħossuhom milqugħa fil-ħajja tal-Knisja. Forsi lanqas ħsibna biżżejjed dwar xi kwalità ta’ liturġija, omeliji u kant noffrulhom. U allura meta n-nies sabu alternattivi, marru band’oħra. U kultant anki fin-nuqqas ta’ alternattivi tajba, xorta tlifnihom.

Forsi flok atteġġjament ta’ “Il-Knisja m’għandhiex x’toffrili iżjed” ikun aħjar kieku lkoll nistaqsu “X’nista’ noffri jien biex il-Knisja jkollha wiċċ iktar uman, li joffri merħba?”

Jien għall-grazzja t’Alla għandi x-xorti naħdem ukoll ma’ komunitajiet fejn hemm iktar sens ta’ appartenenza; il-knejjes kbar tagħna faċilment iġegħlu lill-bniedem iħossu anonimu, sempliċiment wieħed fost ħafna. Imma gruppi iżgħar ta’ talb jgħinu l-persuna tħoss li hemm min iħoss u jaħseb fiha, u dan jgħin ħafna. U meta n-nies iħossuhom parti integrali mill-komunità, ikunu wkoll lesti jipparteċipaw iktar bil-qalb, u anki joffru s-servizz tagħhom.

Waħda mill-isfidi ewlenin fid-dinja, inkluż f’pajjiżna hija l-inklużjoni. Meta niġu għall-persuni b’diżabilità, ma taħsibx li l-Knisja għadha tirreferi għall-persuni b’diżabilità, forsi anki b’mod indirett, bħala persuni morda, anġli u speċjali? Ma taħsibx li dan qed jgħin biex tibqa’ ċerta perspettiva antikwata, partikolarment minn dawk li jiġu influwenzati mill-Knisja?

Naf li dan huwa suġġett sensittiv, iva. Għalkemm onestament ma nafx li xi ħadd fil-Knisja (għallinqas f’xi kariga uffiċjali) għadu jirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” jew “speċjali”, nifhem li għad hawn persuni li mingħalihom biex juru mħabba u rispett lil dawn il-persuni jużaw kliem u frażijiet bħal dawn. Huma mentalità u lingwaġġ li f’kuntest storiku partikolari intużaw bl-aqwa intenzjonijiet biex isaħħu d-dinjità tal-persuni b’diżabilità u jgħinu lill-familji u lis-soċjetà jilqgħuhom bi mħabba; imma llum il-ġurnata l-kuntest inbidel, u dawn il-mentalitajiet ġew counter-productive u jinħassu kważi insolenti. Ċertament hija terminoloġija skaduta.

Madankollu rridu ngħidu wkoll li l-Knisja spiss kienet protagonista biex tħares id-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità; it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza kien proprju ispirat minn xewqa qaddisa f’dan ir-rigward.

Ma nistax ukoll ma nsemmix il-fatt li l-Knisja madwar id-dinja llum il-ġurnata hija waħda mill-ftit ilħna li jaħdmu favur id-dinjità u l-ħajja tal-persuni b’diżabilità anki billi topponi l-abort li għal ħafna minnhom ifisser piena tal-mewt amministrata fil-ġuf tal-omm, sempliċiment għax waqt it-tqala tinstab xi kundizzjoni jew oħra. Il-Papa Franġisku regolarment jikkundanna l-kultura ta’ skart li titratta li xi wħud qishom m’għandhomx dritt għall-ħajja sempliċiment għax is-soċjetà tqishom bħala inqas minn ħaddieħor, jew inkella bħala piż fuq ir-riżorsi emozzjonali u materjali tagħha.

Imma bħal ħafna oqsma oħra, dejjem fadal xi jsir. Illum il-ġurnata l-Knisja jeħtieġ tkompli taħdem biex teduka u biex tiżgura l-inklużjoni u l-aċċessibilità, kemm fl-istrutturi fiżiċi tagħha (bħal knejjes, swali, uffiċċji parrokkjali) u kif ukoll fil-mentalità tal-poplu. Kemm tkun ħaġa sabiħa, pereżempju, kieku iktar saċerdoti, reliġjużi u katekisti jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali.

Fl-opinjoni tiegħek, fiex żbaljat l-aktar il-Knisja u fiex ħalliet l-aktar impatt pożittiv matul is-snin?

Żbaljat l-iktar, inħoss, meta ħadet iktar ħsieb il-prestiġju tagħha (id-dehra esterjuri, ir-reputazzjoni tagħha) milli l-bżonnijiet konkreti tal-membri tagħha. Dan bħalma ġara fil-każi tal-abbużi ta’ minorenni u persuni vulnerabbli minn membri tal-Knisja tul is-snin. Din hija parti mill-klerikaliżmu li tant iwissina dwaru l-Papa Franġisku, jiġifieri li sempliċiment għax jien qassis niġi trattat differenti, qisni superjuri; bħal donnu r-regoli ma jgħoddux għalija, qisni qiegħed fuq pedestall, biex niddomina mhux biex naqdi. Il-poter u d-dominju huwa tentazzjoni f’kull ġenerazzjoni u f’kull kamp tas-soċjetà, u l-Knisja mhix eċċezzjoni.

L-impatt pożittiv tal-Knisja huwa proprju n-naħa l-oħra tal-munita; kull meta poġġiet il-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna, biex twassallu l-imħabba t’Alla b’mod prattiku u konkret fiċ-ċirkustanzi l-iktar iebsa ta’ ħajtu. Il-Knisja storikament kienet minn tal-ewwel li ħolqot sptarijiet, hospices, skejjel, u servizzi ta’ sapport soċjali anki għall-ifqar nies. U dan fi żmien fejn l-istat kien għadu lanqas ħolom b’dawn l-istrutturi. Imma l-Knisja minn dejjem rat il-bniedem bħala xbieha t’Alla, imżejjen b’dinjità inkredibbli. Għall-grazzja t’Alla din ir-realtà għadha preżenti ħafna fil-ħajja tal-Knisja, u tmur id f’id mal-bqija tal-missjoni tal-Knisja (bħax-xandir tal-Kelma u l-amministrazzjoni tas-Sagramenti).

Ħafna jgħidu li għalkemm ikunu każijiet ġenwini, idum snin twal biex jingħata l-annullament. Huwa veru?

Tassew kien hemm żmien fejn kawża kienet tieħu numru sew ta’ snin; insewwed qalbi niltaqa’ ma’ nies jgħiduli li snin ilu il-kawża tagħhom kienet damet ħames snin, jew sebgħa, jew saħansitra itwal.

Dan ma kienx b’kapriċċ, ovvjament; ma kien pjaċir ta’ ħadd li l-kawżi jdumu daqshekk. Kellna problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani. Sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem f’ċerti rwoli fit-Tribunal hemm korsijiet ta’ speċjalizzazzjoni li jdumu numru ta’ snin; l-Arċisqof ma jistax jaqbad u joħloq l-imħallfin mingħajr dan it-taħriġ. Il-Maltin igawdu stima għolja fis-Santa Sede, kemm għas-serjetà tal-ħidma tagħhom u wkoll għall-kapaċità tagħna bl-ilsna differenti. U allura spiss kien jiġri li wara investiment kbir ta’ snin (u flus) fit-taħriġ ta’ saċerdoti speċjalizzati għal dan ix-xogħol, dawn l-istess saċerdoti kienu jintalbu jibqgħu Ruma sabiex jaħdmu fil-Vatikan! Kien hemm ukoll ċerta burokrazija u ċerti proċeduri marbuta mal-kawżi tan-nullità li kienu jtawlu l-proċess ħafna. It-Tribunal kien qed ibati biex ilaħħaq max-xogħol dejjem jiżdied, u allura kien hemm “backlog” ta’ numru ta’ snin.

Illum għall-grazzja t’Alla s-sitwazzjoni hija ferm differenti. Kawża tipika ddum madwar sena, jew sena u nofs. Ħafna kawżi jdumu saħansitra inqas minn hekk: għandna kawżi li jintemmu fi żmien ftit xhur biss. Tant hu hekk li kultant ikollna nies li jissorprendu ruħhom dwar kemm imxiet b’ħeffa l-kawża tagħhom.

Mill-ġdid hemm diversi fatturi għal dan is-suċċess. Fuq talba ta’ bosta kanonisti mxerrda madwar id-dinja, u ta’ persuni jaħdmu f’kampijiet relatati, ftit snin ilu il-Papa Franġisku ssimplifika u ħaffef ċerti proċeduri hekk li kawża tkun tista’ timxi ferm iktar mgħaġġla, iktar u iktar jekk il-koppja tkun fi qbil dwar ċerti fatti essenzjali. Fuq livell lokali, irrid nirrikonoxxi u nfaħħar il-ħidma tal-Isqfijiet li kellna tul dawn l-aħħar snin li stinkaw biex iżidulna l-istaff, kemm dak kwalifikat biex jisma’ u jiddeċiedi l-kawżi, u wkoll dak segreterjali li huwa essenzjali għall-ħidma effiċjenti tat-Tribunal. U rrid insellem ukoll lill-predeċessuri tiegħi (kemm il-Vigarji Ġudizzjali, u wkoll l-Imħallfin) li ħadmu kemm felħu biex illum għall-grazzja t’Alla nistgħu ngħidu li eliminajna l-“backlog” għalkollox.

Fil-fatt daż-żmien jekk kawża tittawwal ħafna, hemm ċans tajjeb li sfortunatament ikun daħal ċertu element ta’ pika bejn il-partijiet; seduti li ma jiġux rispettati u allura jkollhom jiġu posposti jew kanċellati; numri esaġerati ta’ xhieda, rapporti fuq rapporti, eċċetra. U jaħasra kultant ma jifhmux li kieku jħallu l-affarijiet jimxu b’iktar serenità, u kieku kkollaboraw iktar ma’ xulxin u mat-Tribunal, il-kawża setgħet ilha magħluqa snin sħaħ.

Jingħad ukoll li jiswa ammonti kbar ta’ flus, tant li min ma jaffordjax iħallas daqshekk m’għandux ċans għalih. Huwa veru?

Le, mhuwiex veru. Jiddispjaċini ngħid li din hija forma ta’ urban legend li tibqa’ takkumpanja x-xogħol tagħna u li sfortunatament iżżomm ħafna nies lura milli jirrkorru għand it-Tribunal u jfittxu s-servizzi tagħna.

Għalkemm huwa veru li hemm ċerti spejjeż involuti f’kawża ta’ nullità, tipikament kawża tiġi tiswa bejn €1,500 u €2,500. L-iktar kawża li ġiet għolja, dejjem qed nitkellmu dwar l-ispejjeż dovuti lit-Tribunal innifsu, kienet qabżet bi ftit it-€3,000 u kienet sitwazzjoni anomala fejn intalab numru kbir ħafna ta’ xhieda, seduti, u perizji.

Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan, inweġġa’ meta nisma min jgħid li xi ħadd qallu: “Jekk m’għandekx €20,000 x’tarmi, tersaqx lejn it-Tribunal!” Ċifri oħra li kultant jissemmew huma €7,000 jew €10,000. Imbagħad noffendi ruħi iktar u iktar meta jkun hemm min jgħid li jekk mintix lest tħallas il-belli liri, aqta’ jiesek milli tiegħu l-annullament. Bħallikieku hemm xi ħadd qed jixxaħħam biex jagħti deċiżjonijiet pożittivi lill-klijenti tagħna.

Il-Knisja tinsisti li ma trid li ħadd joqgħod lura milli jfittex il-verità dwar is-sitwazzjoni tiegħu jew tagħha għal raġunijiet finanzjarji. U allura hemm numru ta’ kawżi kull sena fejn l-ispejjeż jiġu sussidjati totalment jew parzjalment mill-Knisja stess, għax il-persuna ma tkunx f’qagħda li tħallas. Ovvjament irridu noqogħdu attenti għax ikun hemm min mhux ġenwin u jipprova jabbuża mis-sistema. Ikun hemm nies oħrajn, li jifilħu jħallsu, li sfortunatament għax xi ħaġa ma marritx kif xtaqu huma jirrifjutaw li jħallsu s-sehem tagħhom tal-kawża. Jinsew (jew ma jimpurtahomx) li dak li l-Kurja jkollha toħroġ minn ġewwa għax ma ħallsux sehemhom, ikun qed jiġi misruq minn opri oħra karitattevoli tal-Knisja f’pajjiżna.

Finalment irrid ngħid li dawn iċ-ċifri li semmejt iktar kmieni ma jinkludux ħlasijiet lil avukati li wieħed jista’ jqabbad f’kawża ta’ nullità. Għandna lista ta’ diversi avukati mħarrġin apposta sabiex jirrappreżentaw lin-nies quddiem it-Tribunali tal-Knisja. Persuna involuta f’kawża għandha dritt (u għażla) jekk tqabbadx avukat jew le sabiex jirrappreżentaha quddiem it-Tribunal. Il-kawża tkun tista’ ssir xorta waħda, anki jekk il-persuna tagħżel li ma jkollhiex avukat. Imma ovvjament, jekk tqabbad avukat, il-ħlas tal-avukat huwa responsabbiltà tagħha.

Jekk tippermettili nixtieq nagħti n-numru li fuqu wieħed jista’ jikkuntattja t-Tribunal għal kwalunkwe mistoqsija li jista’ jkollu f’dan ir-rigward, u l-istaff tagħna jkunu jistgħu ituh l-informazzjoni kollha neċessarja: 2011 9911. Inkella email fuq info@maltachurchtribunals.org

Ħafna jemmnu li ċerti nies għandhom is-setgħa li jisħtu. Int personali temmen? U x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan?

Ħa nibda billi nistqarr li dan mhuwiex kamp li jien għandi xi taħriġ dwaru, jew li nifhem ħafna fih.

Imma iva, il-Knisja temmen li bl-istess mod li bħala bnedmin nistgħu nbierku lil xulxin (jiġifieri nitolbu l-ġid għal xulxin), daqshekk ieħor nistgħu nixtiequ d-deni lil xulxin. Hawn nies li mhux biss jgħaddilhom ħsieb ħażin ta’ mument (pereżempju f’waqt ta’ rabja nixtieq id-deni lil xi ħadd) imma saħansitra jaslu li jipprovaw iwasslu dan id-deni fuq ħaddieħor billi jduru għall-okkult. Lesti jmorru għand sħaħar biex jagħmlu xi magħmul, jew inkella forsi saħansitra jduru lejn ix-xitan u jitolbuh iwettaq xi ħsara fuq xi persuna.

Imma hemm aħbar tajba f’dan kollu. Għax Alla huwa ferm ikbar u aqwa mix-xitan. Dan ifisser li għall-biċċa l-kbira fostna, li nkunu qrib ta’ Alla hija l-aqwa difiża kontra l-ħażen li jista’ jixtiqilna ħaddieħor. Xi ħadd iddeskriva x-xitan qisu annimal salvaġġ marbut b’katina. Biex jagħmillek ħsara, trid tmur qrib tiegħu, ‘il ġewwa mill-katina; sakemm tibqa’ bogħod iktar minn kemm tagħtih il-katina, allura tkun fiż-żgur.

Xi tfisser tkun qrib Alla (u allura protett mix-xitan)? Ifisser li jkolli ħajja ta’ talb attiva; li spiss indur lejn Alla bil-ħsieb u bil-kliem tiegħi, sabiex infaħħru u nfittex il-ħarsien tiegħu. Li nkun familjari mal-Kelma t’Alla billi regolarment naqra passaġġi mill-Bibbja u nitlob bihom. Li nħares lejn il-qaddisin bħala l-familja spiritwali tiegħi u allura nitlobhom l-għajnuna tagħhom ukoll. Li nipprova ngħix ħajja tajba, bogħod mill-vizzji u mill-mibegħda. Li nkun qrib il-prattika tas-sagramenti, l-aktar l-Ewkaristija u l-Qrar. L-eżorċisti jgħidu li qrara tajba għandha qawwa saħansitra iktar minn eżorċiżmu! U l-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu ġewwa fina. Xi rridu iktar minn hekk?

Kultant ikun hemm nies li jdaħħluha f’rashom li xi ħadd seħithom, jew għajjinhom, jew għamlilhom xi magħmul. Imsieken forsi jkun żmien fejn kollox jidher sejjer ħażin f’ħajjithom: mard, problemi familjari, problemi fuq ix-xogħol, eċċetra. F’mumenti bħal dawn iduru lejn xi saċerdot u jgħidulu: “Agħmilli xi ħaġa Father, għax seħtuni.”

Imma mbagħad meta tistħarreġ ftit, issib li jkunu ilhom snin twal ma jipparteċipaw fil-quddies, qrar, eċċetra. Jaħasra jfittxu mezzi straordinarji (bħal xi eżorċiżmu jew xi talb speċjali) u jinsew il-mezzi ordinarji li nistgħu nirrikorru għalihom kuljum. Bħal dawk li jixtiequ jitilfu l-piż bl-użu ta’ supplements u pilloli li donnhom se jagħmlu xi miraklu, imma mhumiex lesti jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħhom għal wieħed iktar san u bilanċjat.

X’jinkwetak l-aktar minn dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna b’mod ġenerali?

Jinkwetani li bħal ħafna pajjiżi oħra, għandna polarizzazzjoni dejjem tikber. Aħna dejjem konna pajjiż ta’ partiti u firdiet; taraha fil-politika, fil-festi, fil-futbol eċċetra.

Imma issa qisna għandna qasma dejjem iktar radikali bejn nies ta’ fehmiet differenti (sew dawk politiċi, u wkoll dawk fuq kwistjonijiet li minn żmien għal ieħor iqumu fil-ħajja tas-soċjetà tagħna). Qisna m’aħniex kapaċi niddiskutu b’rispett ma’ min ma naqblux miegħu, imma rridu npinġuh bħala mostru, bħala xi ħadd li ma ħaqqux dinjità, u li l-kelma tiegħu ma ħaqqhiex tinstema’.

Niddeumanizzaw (bl-Ingliż dehumanizing) lill-oħrajn biex mingħalina nattakkaw l-argument tagħhom, flok inwieġbu l-punti tagħhom b’rispett u ċiviltà. U sfortunatament, kif rajna f’pajjiżi oħra u sfortunatament f’Malta wkoll, il-proċess li tneżża’ l-umanità ta’ min hu differenti jew għandu fehma differenti (ewlenin fosthom dawk li jaħdmu għal soċjetà iktar ġusta) ma tiqafx biss mal-kliem, imma faċli twassal għal ġesti ferm agħar, saħansitra l-qtil.

Għandna wkoll individwaliżmu kbir, inħoss. Il-mod kif sfruttajna l-ambjent huwa eżempju ċar ta’ dan. Il-mod kif nitrattaw lill-immigranti u lil ċerti kategoriji tas-soċjetà huwa ieħor. Donnu l-bniedem jaħseb biss f’butu u allura l-benesseri ta’ ħaddieħor ma jimpurtahx. Meta jiġri hekk, faċli ħafna li jinbtu firdiet u tensjonijiet ikbar, għax meta l-bniedem jaħseb biss fih innifsu, is-sens ta’ komunità jiżżarma.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks