“Issa nista’ nikkunsidra li jkolli t-tfal”, hekk qalet l-awtriċi Lara Calleja, li tgħix b’kundizzjoni kronika, wara li ġew approvati l-emendi fil-liġi tal-IVF.

L-emendi li ġew approvati mill-Parlament din il-ġimgħa jinkludi l-PGT (Preimplantation Genetic Testing), li jikkonsisti f’test li jsir fil-proċess tal-IVF biex wieħed ikun jaf jekk l-embrijun ikollux dak li qed jissejjaħ bħala difett.

Lara Calleja, li hija l-awtriċi tal-antoloġija ta’ novelli miġbura fil-ktieb “Kissirtu Kullimkien” u li bih is-sena li għaddiet rebħet il-Premju Ewropew għal-Letteratura Maltija, esprimiet fuq il-midja soċjali, il-ħsibijiet tagħha favur l-emendi.

Fil-post tagħha, Lara Calleja qalet li ma tiflaħx tisma’ aktar dawk li hi sejħet bħala ċuċati, dwar il-PGT.

“Wasalna f’punt redikolu li issa anki bajda fertilizzata li lanqas biss qiegħda fil-ġuf qed nipproteġu. Qed niġġennu jew?”

Lara Calleja

Hija qalet li nies bħalha li għandhom kundizzjonij kronika u li hemm ċans li uliedha jkollhom l-istess kundizzjoni, tħoss li issa tista’ tikkunsidra li jkollha t-tfal minħabba dawn it-testijiet, anke jekk il-kundizzjoni tagħha għadha mhijiex fil-lista.

Lara qalet li għalkemm hija tħobb u taċċetta lilha nnifisha, ma tridx li uliedha jkollhom il-kundizzjoni tagħha.

“Ma rridx li t-tfal tiegħi jibdew il-ħajja, li hi diġà diffiċli, bi żvantaġġ daqshekk kbir, irrelevanti kemm irċevejt imħabba u rispett; hija trawma li għadni nġorr il-konsegwenzi tagħha sal-lum.”

Lara Calleja

Calleja staqsiet għaliex għandha tgħaddi ħajja umana oħra minn miżerja meta din tista’ tiġi evitata. Żiedet tgħid li diskors simili minn uħud kien sar meta ġiet introdotta l-IVF. Saħqet ukoll li m’għandniex nirromantiċizzaw id-diżabilitajiet.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks