Select Page

Il-President Gotabaya Rajapaksa u l-Prim Ministru Ranil Wickremesinghe, ta’ Sri Lanka, ħabbru li se jirriżenjaw wara li eluf ta’ dimostranti daħlu fir-residenzi tagħhom u taw in-nar id-dar tal-Prim Ministru.

La l-Prim Ministru u lanqas il-president ma kienu fil-bini dak il-ħin.

Mijiet ta’ eluf niżlu fil-kapitali Colombo, u talbu lil Rajapaksa jirriżenja wara xhur ta’ protesti dwar ġestjoni ekonomika ħażina.

Rajapaksa ħabbar se jwarrab fit-13 ta’ Lulju.

Wara l-avvenimenti tas-Sibt, l-Istati Uniti appellaw lit-tmexxija tas-Sri Lanka biex taġixxi fil-pront biex issolvi l-kriżi ekonomika tal-pajjiż.

Għexieren ta’ nies, inklużi żewġ uffiċjali tal-pulizija, indarbu fil-protesti tas-Sibt, u kelliem għall-isptar ewlieni ta’ Colombo qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li tliet persuni kienu qed jingħataw kura għal ġrieħi ta’ arma tan-nar.

Il-militar tas-Sri Lanka appella lin-nies biex jikkoperaw mal-forzi tas-sigurtà biex iżommu l-kalma.

Is-Sri Lanka, fejn jgħixu madwar 22 miljun ruħ, qed tiffaċċja l-agħar kriżi ekonomika f’ seba’ deċennji minn meta kisbet l-indipendenza fl-1948 u qed tissielet biex timporta ikel, fjuwil u mediċina.

Hija spiċċat mingħajr munita barranija u kellha timponi projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-petrol u d-diesel għal vetturi privati, li wassal għal kjuwijiet ta’ ġranet għall-fjuwil.

L-avvenimenti straordinarji tas-Sibt dehru li kienu l-qofol ta’ xhur ta’ protesti prinċipalment paċifiċi fis-Sri Lanka.

Folol kbar ikkonverġu lejn ir-residenza uffiċjali tal-President Rajapaksa, kantaw slogans u xejru l-bandiera nazzjonali qabel ma ħarġu mill-barrikati u daħlu fil-proprjetà.

Filmati onlajn urew nies jimirħu mid-dar u jgħumu fil-pixxina tal-President, filwaqt li oħrajn battlu kxaxen, qallbu fl-affarijiet tal-President u użaw il-kamra tal-banju lussuża tiegħu.

Sorsi mill-ministeru tad-difiża qalu li kemm Rajapaksa kif ukoll Wickremesinghe ttieħdu f’post sigur.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks