Petizzjoni fl-Ukrajna li titlob li ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jiġi legalizzat kisbet biżżejjed firem biex il-president jikkunsidra l-proposta.
Il-petizzjoni għandha aktar minn 27,900 firma, li jfisser li l-President Volodymyr Zelenskyy issa għandu 10 ijiem biex jirrispondi.
L-omosesswalità mhix illegali fl-Ukrajna, iżda żwiġijiet tal-istess sess u sħubijiet ċivili mhumiex rikonoxxuti.
Dan ikkawża problemi partikolari għal nies LGBT li jiffirmaw għall-militar wara l-invażjoni tar-Russja.
Pereżempju, skont il-liġi tal-Ukrajna jekk imut xi ħadd f’relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, is-sieħeb tiegħu ma jistax jiġbor ġismu jew jidfnu.
Il-petizzjoni onlajn tgħid: “F’dan iż-żmien, kull jum jista’ jkun tal-aħħar.”
F’din il-petizzjoni, li ġiet imnedija fil-bidu ta’ Ġunju, issa hemm aktar minn 28,000 firma, biżżejjed biex awtomatikament iqanqal il-konsiderazzjoni tal-president qabel ma jpoġġiha quddiem il-parlament.
Organizzazzjoni tal-LGBT ddeskriviet il-petizzjoni bħala “mument importanti” għall-membri tal-komunità.
“Huwa importanti li n-nies LGBTQ ikollhom id-dritt li jaraw is-sieħeb tagħhom u jieħdu ġisimhom mill-kamra mortwarja, u jfittxu wkoll kumpens jekk meħtieġ,” qalet lill-BBC Oksana Solonska, maniġer tal-komunikazzjoni tal-midja fi Kyiv Pride.
“Il-koppji miżżewġin kollha għandhom dawn id-drittijiet. Tassew nittamaw li ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ikun legalizzat, u għalhekk in-nies ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil xulxin,” żiedet tgħid.
Mhux ċar jekk Zelenskyy jagħżilx li jillegalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Filwaqt li saru xi żviluppi biex jipproteġu lin-nies LGBT fl-Ukrajna, pereżempju, liġi kontra d-diskriminazzjoni li ġiet introdotta fl-2015, il-komunità LGBT tal-pajjiż sofriet omofobija, intolleranza u vjolenza.
Fl-2013, l-ewwel marċ uffiċjali tal-Pride tal-pajjiż sar fi Kyiv minkejja l-protesti, kien maħsub li jseħħ is-sena ta’ qabel, iżda ġie kkanċellat wara li l-parteċipanti ġew mhedda.
Fl-2018, attivisti ġew attakkati f’rally ta’ persuni transġeneru fi Kyiv minn militanti tal-lemin estrem.
Iżda minkejja r-riskji, il-parata tal-Pride kibret fil-popolarità, u s-sena li għaddiet ħadu sehem aktar minn 7,000 ruħ f’marċ fil-kapitali.
