Il-Papa Franġisku ħatar 14-il membru fid-Dikasteru għall-Isqfijiet, fosthom il-Kardinal Mario Grech u tliet nisa għall-ewwel darba.
Id-Dikasteru għall-Isqfijiet jissorvelja l-ħidma tal-biċċa l-kbira tal-5,300 isqof tal-knisja, li jmexxu djoċesijiet madwar id-dinja. Il-membri tad-dikasteru, li jinkludu kardinali, isqfijiet u issa nisa, jiltaqgħu perjodikament biex jevalwaw isqfijiet ġodda proposti li isimhom jintbagħtu mill-ambaxxaturi tal-Vatikan. L-ambaxxaturi normalment joħorġu bi tliet kandidati wara li jikkonsultaw mal-membri tal-knisja lokali. Madanakollu, xorta l-aħħar deċiżjoni tkun tal-Papa.
Il-Kardinal Mario Grech inħatar bħala Kardinal f’Novembru tal-2020. Huwa serva bħala Isqof ta’ Għawdex bejn l-2005 u l-2019 u ġie maħtur mill-Papa Franġisku bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Settembru tal-2020.
