Select Page

F’dawn l-aħħar sigħat ġew ippubblikati l-ewwel ritratti bil-kulur mit-teleskopju spazjali l-ġdid tan-NASA bl-isem ta’ James Webb Telescope.

Jingħad li r-ritratti juru l-aktar stampa profonda u dettaljata tal-Univers sal-lum, li fiha d-dawl mill-galassji li ħa ħafna biljuni ta’ snin biex jilħaqna.

It-teleskopju spazjali James Webb huwa l-aktar teleskopju b’saħħtu li qatt inbena.

Kien hemm snin ta’ dewmien biex dan it-teleskopju, li jinkludi strumenti mill-Aġenzija Spazjali Kanadiża u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, seta’ jintuża. Dan minħabba taħlita ta’ fatturi miġjuba mill-pandemija u sfidi tekniċi.

It-teleskopju spazjali James Webb, li jiswa $10 biljun, u li uffiċjalment ġie mniedi fil-25 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, huwa meqjus bħala s-suċċessur tal-famuż teleskopju spazjali Hubble.

Dan se jservi biex isiru kull xorta ta’ osservazzjonijiet, iżda hemm żewġ għanijiet ġenerali. Waħda hija li permezz tiegħu jittieħdu ritratti tal-ewwel stilel li bdew jiddu fl-Univers aktar minn 13.5 biljun sena ilu; l-ieħor huwa li ssir riċerka dwar pjaneti ‘l bogħod biex jiġi skopert jekk jistgħux ikunu abitabbli.

Huwa mistenni li dan it-teleskopju jiżvela l-misteri tal-univers u qed jingħad li għandu biżżejjed fjuwil biex jopera għall-20 sena li ġejjin!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks