Raġel fl-Istati Uniti ġie mixli li stupra tifla ta’ 10 snin li mbagħad kellha tivvjaġġa minn Ohio lejn l-Indiana biex tagħmel abort minħabba r-restrizzjonijiet il-ġodda dwar l-abort.

Sigħat wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, il-leġiżlaturi f’Ohio pprojbixxew l-abort minn wara 6 ġimgħat tqala, mingħajr l-ebda eċċezzjoni għall-vittmi ta’ stupru jew inċest.

Għalkemm fl-Indiana għaddejjin sforzi biex jiġi ristrett l-aċċess għall-abort, s’issa l-proċedura għadha legali.

Skont rapporti, it-tifla kellha 6 ġimgħat u tlett ijiem tqala.

L-għajdut tal-każ ġibdu attenzjoni nazzjonali u internazzjonali, b’xi mexxejja politiċi tal-Istati Uniti jirreferu għalih f’konverżazzjonijiet dwar projbizzjonijiet tal-abort.

Gerson Fuentes, li għandu 27 sena, ġie arrestat nhar it-Tlieta, skont id-dokumenti tal-pulizija u l-qorti ta’ Columbus. Huwa ġie akkużat bi stupru kriminali ta’ minorenni taħt it-13-il sena, skont il-Qorti Muniċipali tal-Kontea ta’ Franklin. L-ewwel dehra tiegħu fil-qorti kienet l-Erbgħa.

Il-Pulizija ġiet infurmata għall-ewwel darba dwar it-tqala tat-tifla lejn l-aħħar ta’ Ġunju permezz ta’ referenza minn dipartiment lokali tas-servizzi tat-tfal li saret minn omm it-tifla stess.

Skont rapporti minn midja internazzjonali, Fuentes ammetta mal-awtoritajiet li stupra lit-tifla f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet.

It-tifla ta’ 10 snin għamlet abort fit-30 ta’ Ġunju, fil-klinika ta’ Indianapolis. Bħalissa qed jiġi ttestjat id-DNA ta’ Fuentes kif ukoll ħut it-tifla.

Il-każ kien irrappurtat għall-ewwel darba fl-1 ta’ Lulju bi ftit dettalji. Madankollu bosta ddubitaw kemm din l-istorja kienet vera sakemm ġiet ikkonfermata mill-pulizija u l-qorti.

Fuentes irid jerġa’ jidher quddiem il-qorti fit-22 ta’ Lulju. Jekk jinstab ħati, jista’ jeħel għomru l-ħabs

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks