Select Page

Ritrarti hija wirja tal-arti li se tkun qed tittella’ mill-artista Silvana Camilleri u l-fotografu Charles Vassallo mis-16 sal-31 ta’ Lulju, fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar, triq il-Lanġas, in-Naxxar.

Il-wirja se tkun tikkonsisti fi 30 ritratt monochrome (black and white), meħuda mill-fotografu Charles Vassallo madwar Malta u mpinġijin minn Silvana.

“Jien bid-daqqa tal-pinzell u bil-kulur acrylic ħarist lejn is-suġġett ta’ kull ritratt u tajtu lewn biex dan jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid. Charles u jien ħdimna id f’id biex intellgħu din il-wirja b’żewġ elementi differenti li ħolqu armonija waħda.”

Silvana

Ir-ritratti monochrome, qed jirrappreżentaw lil Charles, li għandu 70 sena u l-kulur jirrapreżenta lil Silvana bħala artista ta’ età iżgħar minnu.

Kienet ix-xewqa ta’ Charles li ssir din il-kollaborazzjoni u proprju minn hemm li ngħaqad ma’ Silvana biex iħejju għal din il-wirja.

Fil-passat ir-ritratti kienu jkunu monochrome biss u sakemm kien hemm il-fażi biex il-monochrome jieħu aspett ta’ kulur kienu jużaw kuluri fuq ir-ritratti b’mod manwali.

F’din il-wirja, Silvana se tkun qed tagħmel dan imma b’mod aktar sperimentali li toħloq anke aktar milli jkun hemm fuq ir-ritratt oriġinali.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: Mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mis-6 sad-9 ta’ filgħaxija.

Is-Sibt u l-Ħadd: Mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mis-6 sad-9:30 ta’ filgħaxija.

Għal aktar tagħrif żur il-paġna ta’ Silvana Camilleri: ĊmajraArt by Silvana | Facebook

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks